Lokali Qorti

Yorgen Fenech qal lit-tabib Vella “jekk ninżel jien, jinżel kulħadd miegħi”

Jinstabu aktar recordings

“Jekk ninżel jien, jinżel kulħadd miegħi” – hekk saħaq darba minnhom Yorgen Fenech meta kien qed ikellem lit-tabib tiegħu.

Emozzjonat, fil-qorti, taħt ġurament, it-Tabib Adrian Vella ddikjara li Keith Schembri taħ numru ta’ karti biex jieħu lil Yorgen Fenech. Jisħaq li kif wassal il-karti f’Portomaso, Schembri u Fenech ikkomunikaw permezz ta’ telefonata li ħadet madwar tliet minuti. Fix-xhur li għaddew, taħt ġurament, Schembri ċaħad li ta ittra lil Fenech permezz tat-tabib.

F’rakkont ta’ episodju ieħor, Adrian Vella saħaq li Keith Schembri qallu biex ma jiftaħ lil ħadd, iżda x’ħin sar jaf li l-pulizija kienu wara l-bieb, qallu biex jiftħilhom u jagħmel li jgħidulu. It-tabib saħaq li ftit qabel ħassar il-WhatsApp minn fuq il-mobile.

Waqt li kien qed jixhed fil-qorti, it-tabib ta’ Keith Schembri u Yorgen Fenech saħaq li meta kien interrogat mill-pulizija, il-Kummissarju ta’ dak iż-żmien, Lawrence Cutajar għajru giddieb.

It-tabib Adrian Vella

Fl-aħħar tas-sena li għaddiet isem it-tabib Vella kien feġġ meta allegatament wassal messaġġ permezz ta’ ittra mingħand Schemrbi lil Fenech, waqt li dan tal-aħħar kien diġa arrestat mill-Pulizija. Din l-ittra kienet tinkrimina lill-eks Deputat mexxejja Laburista Chris Cardona.

Vella qal li meta fuq struzzjoni ta’ Yorgen Fenech mar id-dar tal-eks Chief of Staff ta’ Kastilja, Keith Schembri fil-Mellieħa, Schembri qallu biex jieħu xi karti li kienu fuq l-iskrivanija, wiċċhom l’isfel lill-Fenech. It-tabib qal li hu tewa l-karti, poġġihom fil-but u telaq filwaqt li assigura li ma jafx x’kien il-kontenut tagħhom. Vella saħaq li ma tkellimx ma’ Schembri dwar il-każ.

Hu baqa’ sejjer lejn l-appartament ta’ Fenech f’Portomaso biex joħodlu l-karti li taħ Schembri. Hu saħaq li kien beża’ għax kien hemm pulizija barra l-appartament. Ġewwa kien hemm Fenech, martu, wliedu, u l-avukat difensur tiegħu Gianluca Caruana Curran. “Jiena tajt il-karti lil Gianluca.” qal it-tabib. Vella saħaq li Fenech “ħataf l-karti minn idejn Gianluca” bit-tabib jisħaq li Fenech xejn ma deher kuntent x’ħin ra x’kien hemm miktub fuq il-karti li taħ Schembri.

Vella jikkonferma li f’dak il-mument, huwa għadda telefonata minn Schembri lil Fenech, u Fenech mar biex jieħu t-telefonata privatament, qatta’ madwar tliet minuti fuq it-telefon. Imma hu ma jistax jikkonferma li ddiskutew il-kontenut tad-dokument.

Intant, l-għada li ġara dan tal-aħħar, it-tabib ġie arrestat fis-1am mid-dar tiegħu f’San Pawl il-Baħar. Kien meta qed jiddeskrivi dan l-episodju li Vella emozzjona ruħu u beda jibki fil-qorti. Hu saħaq li Keith Schembri kien qallu li “jekk jiġri xi ħaġa, hu kien il-persuna li għandu jċempel.” Jirriżulta li meta kellu jiġi arrestat, il-pulizija kienu qed iħabbtu fuq il-bieb tiegħu għal 15-il minuta sħaħ. Allegatament, il-mobile tiegħu kien mitfi. Allura Vella kien uża il-mobile ta’ bintu biex iċempel lil Schembri. Vella saħaq li kien ħassar il-WhatsApp tiegħu qabel tefa l-mowbajl tiegħu sigħat qabel seħħ l-arrest. Dakinhar hu kkomunika ma’ Schembri bl-użu ta’ l-app Signal.

It-tabib saħaq li Schembri qallu biex ma jiftaħx il-bieb “jekk ikunu qed iħabbtu ħafna” iżda x’ħin sar jaf li kienu qed iħabbtu l-pulizija, Schembri qal lit-tabib biex jiftaħ u jagħmel li jgħidulu.

Finalment, tul ix-xhieda tiegħu Vella qal li waqt li kien qed ikun interrogat mill-ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra, filwaqt li dawn tal-aħħar kienu attenti għal dak li qed jgħid, l-eks Kummissaru Lawrence Cutajar beda jsejħħlu giddieb meta qallhom li Keith Schembri kien taħ ittra għal Yorgen Fenech. It-tabib stqarr li Cutajar kellu mowbajl f’idejh, iżda ma jafx jekk minnu kienx qed jibgħat SMSs fil-ħin tal-interrogazzjoni.

Keith Arnaud, li qed imexxi l-investigazzjoni, saħaq li l-Pulizija għadhom qed jinvestigaw lir-rwol ta’ messaġġier li kellu it-tabib Adrian Vella.

Fil-Qorti, hu ikkonferma li ilu jaf lil Yorgen Fenech għal 30 sena minħabba li kien it-tabib tal-familja Fenech filwaqt li saħaq li ilu jaf lil Keith Schmebri għal madwar erba’ snin.

Hekk kif l-Erbgħa filgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tal-imprenditur Yorgen Fenech, li jinsab akkuzat b’kompliċità fil-qtil tal-gurnalista Daphne Caruana Galizia, sar magħruf li hemm aktar recordings li għad iridu jinstemgħu. Dan wara li instab file ieħor b’numru ta’ recordings li kienu ittieħdu mill-middleman Melvin Theuma.

Intant, il-Qorti illum aċċettat li l-middleman Melvin Theuma, ix-xhud tal-Istat, isirlu test psikoloġiku wara li fl-aħħar ġimgħat kien fil-periklu tal-mewt minn ġrieħi b’daqqiet ta’ sikkina li għamel fuqu nnifsu.

Din il-kumpilazzjoni li se tkompli fil-25 t’Awwissu qed tinstema quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello. L-Avukati Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca  qegħdin jidhru għal Yorgen Fenech.  Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt  Zahra. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru bħala parte civile f’isem il-familja Caruana Galizia.

Ritratti: Matthew Tabone