Ambjent Lokali

Żewġt irġiel arrestati wara li daħlu f’żona protetta tal-fkieren fuq ir-ramla tal-Għadira

It-tlieta ġew arrestati żewġt irġiel mill-Pulizija tal-RIU wara li dawn daħlu fiż-żona protetta li fiha qed ibidu l-fkieren fuq ir-ramla tal-Għadira.

Skont in-Nature Trust, li qed tħares iż-żamma ta’ dawn iż-żoni permezz tal-voluntiera tagħha, dawn l-irġiel kienu xurbana meta daħlu fiż-żona ta’ barra iżda ma rnexxielhomx jidħlu fiż-żona ta’ ġewwa, fejn huma protetti l-bajd tal-fkieren.

Ix-xibka protettiva kienet qed tipproteġi żewġ bejtiet differenti li jinsabu metri ‘l-bogħod minn xulxin, b’fekruna minnhom tbid f’Lulju u oħra aktar kmieni dan ix-xahar.

Peress li l-fekruna ‘Caretta Caretta’ hija speċi protetta għaliex hija f’riskju t’estinzjoni, huwa illegali li taħtaf, toqtol, tisraq, tbiegħ jew tiddisturba dawn il-fkieren, partikolarment fi żmien li jkunu qed ibidu fost l-oħrajn.

Fost il-bajd li biedu l-fkieren din is-sena f’pajjiżna, kienu 85 bajda li faqqsu bejn it-2 u r-4 t’Awwissu bir-Ramla l-Ħamra, Għawdex.

Ikkummenta