Lokali

Żewġt irġiel maqtula f’Tas-Sliema – Tfittxija mill-Pulizija

Sparatura f'residenza fi Triq Locker

Żewġt irġiel inqatlu wara li seħħett sparatura f’residenza privata f’Tas-Sliema t-Tlieta filgħaxija – bil-Pulizija għaddejja bi tfittxija tal-persuna jew persuni wara din it-traġedja.

Dan kien ikkonfermat mill-kelliema tal-Pulizija fejn ġie spjegat li l-każ seħħ għall-ħabta tal-10.15 ta’ filgħaxija fi Triq Locker, fiż-żona ta’ Qui-Si-Sana, wara rappporti ta’ sparaturi fir-residenza.

Fil-post għamlu l-wasla tagħhom minnufih uffiċjali tal-Pulizija mill-iskwadra tal-RIU fejn sabu xena traġika b’żewġt irgiel bla ħajja, wieħed fis-sular ta’ fuq u ieħor fis-sular t’isfel. Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-vittmi, inqatlu b’tiri ta’ arma tan-nar.

Dan l-istazzjon jista’ jikkonferma li l-vittmi huma t-tabib Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski.

Kelliema għall-Pulizija saħqu li għadhom għaddejjin bi tfittxija tal-persuna jew persuni nvoluti f’dan il-każ u qed iħeġġu lil kull min jista’ għandu informazzjoni dwar dak li seħħ sabiex javiċina lill-Pulizija ankè b’mod anonimu.

Fil-post ġew msejħa wkoll uffiċjali mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri bil-għan li jmexxu l-investigazzjonijiet meħtieġa, ankè biex jelevaw xi filmati minn kameras tas-sigurtà fl-akwati li jistgħu jkunu ta’ għajnuna.

Filwaqt li s’issa mhux magħruf x’setgħa wassal għal dan l-omiċidju doppju, infetħet inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia, li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.

Aktar kmieni, viżibilment ixxokkjati, ġirien li tkellmu ma’ Net News saħqu li fil-ħemda tal-lejl semgħu ħsejjes ta’ sparaturi segwiti minn għajjat li qajmu kommossjoni sħiħa fi triq bil-Pulizija jordnaw lill-pubbliku sabiex jerġa’ jidħol lura f’daru bil-għan li jkomplu l-investigazzjonijiet meħtieġa.

Tfittxijiet tal-Pulizija f’Tas-Sliema

It-tfittxijiet tal-Pulizija tul il-lejl bejn it-Tlieta u l-Erbgha kienu sostanzjali madwar il-lokalità ta’ Tas-Sliema bil-għan li jinstabu l-persuna jew persuni wara dan l-omiċidju doppju li ħasad lil pajjiżna.