Lokali Qorti

Amerikan mixli li fera gravi lis-sieħba tiegħu

Amerikan ta’ 51 sena nżamm taħt arrest preventiv wara li tressaq fil-Qorti ta’ Għawdex, mixli li nhar it-Tnejn li għadda f’Għajnsielem, fera gravament lis-sieħba tiegħu ta’ nazzjonalità Rumena ta’ 26 sena.

Huwa ġie mixli quddiem il-Maġistrat Brigitte Sultana li weġġa’ serjament lis-sieħba tiegħu b’arma li taqta’ u bil-ponta wara argument jaħraq fejn il-mara spiċċat bi ġrieħi f’rasha u saqajha. Il-koppja ftit li xejn ikkoperaw mal-Pulizija fuq il-każ li seħħ fl-appartament tal-akkużat li ilhom jgħixu fih għal dawn l-aħħar tmien xhur.

Il-koppja ilhom flimkien għal madwar sentejn u nofs bl-akkużat iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u li iżda baqa’ miżmum taħt arrest preventiv. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josef Gauci filwaqt li għall-akkużat deher l-Avukat Timothy Bartolo.