Lokali Parlament

Appell lis-soċjetà tqis kliemha dwar ir-riforma tal-ugwaljanzi bejn is-sessi fil-Parlament

Il-bini tal-Parlament
Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza tappella għall-prudenza fuq il-midja soċjali

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza ħeġġet lis-soċjetà Maltija tirrikonixxi l-isforzi li qed isiru mill-Oppożizzjoni u l-Gvern biex jinkiseb bilanċ bejn is-sessi fil-Parlament Malti.

Dan filwaqt li kulħadd għandu jqis kliemu fuq il-midja soċjali għaliex dan idgħajjef l-impenn parlamentari taż-żewġ naħat fl-introduzzjoni ta’ miżuri proattivi.

Il-Kummissjoni fakkret kif il-fastidju u d-diskors ta’ mibegħda lejn in-nisa fil-politika u n-nisa parlamentari jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fil-ħajja politika, liema fastidju l-NCPE qed tinnota li qed jiżdied fuq il-mezzi soċjali.

“Huwa biżżejjed li wieħed iżur il-pjattaformi tal-midja soċjali sabiex isib evidenza ta’ din l-imġieba abbużiva u inaċċettabbli, b’mod partikolari matul il-ġimgħa li għaddiet.”

Fl-isforzi tagħha flimkien mas-soċjetà Maltija in ġenerali, b’mod partikolari dik femminili, il-Kummissjoni qed tipprova tegħleb il-kultura ta’ preżenza maġoritarja tas-sess maskili, li ddominat il-Parlament għal snin sħaħ, u ta’ nuqqas ta’ kandidati nisa.

Madwar sentejn ilu, il-Gvern u l-Oppożizzjoni waqqfu Kumitat Tekniku sabiex jindirizza d-defiċit demokratiku attwali bejn is-sessi fil-Parlament, b’enfasi wkoll fuq l-isfidi li n-nisa f’Malta jiffaċċjaw fid-dinja politika.

B’riżultat ta’ dan, f’April 2019 tnediet ir-Riforma dwar il-Bilanċ bejn is-Sessi fil-Parlament għall-konsultazzjoni pubblika.

Il-Kummissjoni nnutat kif id-dokument ressaq diversi miżuri pożittivi f’ħafna livelli, li jaġixxi kemm fuq il-kawżi kif ukoll fuq il-konsegwenzi tal-inugwaljanza bejn is-sessi fl-isfera politika, filwaqt li jqis l-ispeċifiċitajiet politiċi u soċjali tal-kuntest Malti.