Lokali

DELITT DOPPJU F’TAS-SLIEMA: Il-Pulizija qed tfittex tliet persuni li dehru jaħarbu mir-residenza

Il-Pulizija qed tfittex tliet persuni li dehru jaħarbu mir-residenza fi Triq Locker f’Tas-Sliema u allegatament qatlu lt-tabib Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski. Huma ħarbu b’vettura ta’ lewn abjad.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem għall-Pulizija Brandon Pisani qal li minn filmati tal-cameras tas-sigurta’, dawn it-tliet irġiel dehru jidħlu fil-binja għall-ħabta tal-10.20p.m.. Huma dehru joħorġu madwar tliet minuti wara u ħarba mill-post permezz ta’ vettura bajda li l-għamla tagħha għad trid tiġi stabbilita.

Mill-ewwel stħarriġ irriżulta wkoll li Pandolfino u Maciejowski inqatlu b’diversi tiri ta’ arma tan-nar u kien konfermat li kienu sparati mill-inqas sitt tiri. Iktar dettalji, fosthom jekk kienx hemm sinjali li l-vittmi issieltu mal-agressuri tagħhom, mistenni li jkunu stabbiliti fl-awtopsja li se ssir għada.

Pisani kompla li matul il-lejl li għadda, Chris Pandolfino deher joħroġ mir-residenza għall-ħabta tas-7p.m. u rritorna għall-ħabta tal-10p.m. Min-naħa l-oħra, Ivor Maciejowski ma kienx ħareġ mir-residenza.

Mistoqsi mill-ġurnalisti, il-kelliem għall-pulizija qal għad irid jiġi stabbilit jekk insterqux xi oġġetti mid-dar. Tenna li l-pulizija m’hi qed teskludi ebda mottiv u appella sabiex ma jkunx hemm spekulazzjoni mhux f’lokha.

Qal ukoll li l-vittmi ma kienux magħrufa mill-Pulizija u lanqas ma’ għamlu xi rapporti dwar theddid li seta’ sar fuqhom fil-passat.

Brandon Pisani appella sabiex kulmin għandu xi informazzjoni, jagħmel kuntatt mal-pulizija, anki b’mod anonimu.