Kien lejl impenjattiv għall-Pulizija hekk kif fl-aħħar sigħat komplew it-tfittxijiet għal dawk li possibilment kienu l-persuni li sparaw fuq it-tabib Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski; iż-żewġ vittmi li nstabu mejta f’binja f’Tas-Sliema lbieraħ bil-lejl.
Skont informazzjoni li għandu Net News, sa issa għadu mhux ċar x’kien il-mottiv eżatt li wassal għal dan id-delitt doppju. Għalkemm għall-bidu kollox kien qed jindika li dan seta’ kien attentat ta’ hold-up.
Il-katavri taż-żewġ vittmi ittieħdu mill-post għall-ħabta tas-2:30am, u issa trid issir l-awtopsja fuq iż-żewġt irġiel, liema awtopsja żgur li se tixħet aktar dawl fuq kif żviluppaw il-fatti f’dan il-lejl traġiku.
Qraba u ħbieb tat-tabib Pandolfino illi tkellmu ma’ dan is-sit esprimew ir-rabja tagħhom għall-fatt li huma tilfu raġel ferrieħi u ġenwin. Bil-ħbieb ta’ Chris Pandolfino jiddeskrivuh bħala “persuna ta’ qalb kbira”.
