Lokali Qorti

L-eks chairperson tal-Awtorità tal-Ippjanar mar jiekol tliet darbiet ma’ Yorgen Fenech

Johann Buttigieg qal li meta kien Chairman tal-Awtorità tal-Ippjanar kien mar jiekol tliet darbiet ma’ Yorgen Fenech, li jinsab mixli bl-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Buttigieg, illum Kap Eċekuttiv tal-MTA qal li Yorgen Fenech xtaq li jibni lukanda fuq art reklamata barra minn Filfla u kien ukoll interessat jiżviluppa lukanda f’Manoel Island.

Dan xehedu Buttigieg fl-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia quddiem il-Bord li qed imexxiha fejn qal li żewġ ikliet minnhom saru f’ristortant u oħra f’post ġewwa Ħal Qormi li jiġi wara l-KIA.

Mistoqsi dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Yorgen Fenech ix-xhud qal li sar jafu fl-2014 fejn dan kien propona dawn il-proġetti, u li waħda minnhom wara lill-gvern ħareġ sejħa ta’ interess biex tinbena lukanda ‘l barra minn Filfla bl-użu tar-reklamazzjoni tal-art.

Buttigieg qal li huwa dejjem għamel distinzjoni bejn xogħol u ħajja privata u li laqgħat li kellu ma’ Yorgen Fenech kienu dwar xogħol biss. Tenna li huwa kien ikellem lil kulħadd mingħajr ebda distinzjoni. Mistoqsi dwar min kien mistieden f’dan il-festin, u jekk kienx preċenti Keith Schembri, Buttigieg qal li fil-preżenza tiegħu ma kien hemm ħadd ta interess.

Qatt ma sema’ bil-‘Kitchen Cabinet”

Mistoqsi mill-Bord fuq dak li qal il-Ministru Edward Scicluna, li fi ħdan il-Gvern Laburista kien jeżisti l-“Kitchen Cabinet” li ma kienx biss magħmul minn Ministru, iżda anke minn avukati u persuni oħra, u jekk hu kienx jagħmel parti minnu, huwa wieġeb fin-negattiv, u qal li qatt ma sema’ bih.

Johann Buttigieg, qal li huwa kien ħalla l-kariga ta’ Chairman tal-Awtorità tal-Ippjanar f’Novembru tal-2019, meta nħatar Chairman tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA).

Buttigieg qal li kien ilu impjegat mal-Awtorità tal-Ippjanar sa mill-1994, u okkupa diversi karigi. Mistoqsi mill-Bord tal-Inkjesta jekk qattx kien konsulent tal-Gvern, huwa wieġeb fin-negattiv.

Semma kif qabel l-Awtorità tal-Ippjanar waqgħet taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru Ian Borg, għamlet żmien responsabbilità tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Joseph Muscat, kif ukoll taħt diversi Ministri u Segretarji Parlamentari oħra li kienu responsabbli għall-Awtorità tal-Ippjanar.

Wara l-Bord ta’ Inkjesta staqsa lix-xhud fuq il-permessi dwar il-‘high rise’ building’ fejn kien hemm lokalitajiet li dawn kienu ġew identifikati. Qal li kienet qed issir pressjoni mill-iżviluppaturi biex jibnu u kienet ukoll ħarġet l-iskemi li jgħolli żewġ sulari aktar minn dan li kien isir qabel.

Qal li bejn mill-2013 l-ammont ta’ żieda li kien hemm għal żvilupp kien wieħed fenominali, l-akbar waħda mill-bidu tas-snin 2000. Mistoqsi dwar il-policies tal-Awtorità tal-Ippjanar, Buttigieg qal li liġi hija ċara li jew timxi fuq il-pjanijiet tal-Gvern għall-oġġettivi tiegħu jew inkella l-Awtorità tal-Ippjanar tagħmel il-bidliet li tħoss meħtieġa permezz ta’ konsultazzjoni pubblika.

Mistoqsi aktar dwar il-politika tal-bini ‘High Rise’, ix-xhud xehed li qabel l-2013 kien hemm permessi ta’ dan it-tip li ħolqu furur. Qal li għal dan il-għan iddaħħlet policy li bini ta’ dan it-tip jiġi limitat għal ħames żoni speċifiċi f’Malta.

Qal li l-permess joħroġ biss skont il-policy u li f’dan il-kuntest minbarra l-iżviluppaturi hemm ukoll l-Għaqdiet ambjentali li jistgħu jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom.

Buttigieg tkellem dwar in-nuqqas ta’ qbil minn diversi fuq dan l-iżvilupp u li din il-pressjoni kienet aktar preżenti meta ġew proposti proġetti fuq artijiet ODZ.

Il-Bord ta’ Inkjesta beda jagħmel mistoqsijiet tekniċi fuq ċerti policies. Il-Bord staqsa wkoll jekk is-sistema tal-pajjiż tiffaċilitax l-idea li jiġu injorati l-permessi u l-policies tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Buttigieg tkellem dwar il-mentalità u l-kultura fis-soċjetà Maltija, li tmur lura għas-snin 80. Saħaq li jekk permess mhuwiex skont il-policies, mela l-permess ma kellux jinħareġ. l-Bord semma’ l-fatt li kien hemm każijiet fejn inbnew strutturi illegali u mbagħad ingħataw sanzjoni mill-PA billi weħlu multa.

B’rabta mal-proġetti ‘high-rise’ tal-Imrieħel, Buttigieg qal li l-policy imsejjħa FAR kienet tinkludi Malta u Għawdex kollha u anke l-għażla li setgħu jmorru għal konsultazzjoni pubblika

“Bdejt ninvestiga…imma l-Pulizija trid tmexxi kriminalment ” – il-Kummissarju tat-Taxxi

“Mill-ewwel bdejn nieħu azzjoni u hekk kif Daphne Caruana Galizia bdiet issemmi l-Panama Papers u anke Swiss Leaks bdejt ninvestiga. Minkejja li ma naħdmux f’ambjent kif wieħed jixtieq għamilt kull ma kien hemm bżonn li nagħmel. Pero id-dipartiment jagħmel l-investigazzjoni b’mod amministrattiv, u hija l-Pulizija li trid tmexxi kriminalment.

“Ir-realtà hi, li mil-lat ta’ effiċjenza u mil-lat finanzjarju, jekk m’hemmx reġistru fejn jitniżżlu n-nies li jevadu t-taxxa, ma jistgħux jittieħdu proċeduri kriminali kontrihom. Il-ħasra hija li l-politika ta’ amnestija jew li wieħed għandu aċċess li jirregolarizza ruħu tagħti lil persuni, l-aktar dawk li huma fin-negozju ċ-ċans, ċans li ma jingħatax ukoll lill-ħaddiem bil-paga normali.”

Dan xehedu l-ewwel xhud fl-inkjesta Marvin Gaerty li huwa ‘Commissioner for Revenue’ u li għandu l-professjoni tiegħu ta’ Accountant. Huwa sostna li huwa diffiċli għad-Dipartiment biex iwettaq l-investigazzjonijiet neċessarji jekk is-sistemi oħra ma jkunux f’posthom.

Kompla jixhed li saru investigazzjoni wkoll dwar Swiss Leaks. Dwar każi ta ħasil ta flus, is-Sur Gaerty qal li minn punto di vista legali li jkollok kumpanija fil-Panama waħedha huwa diffiċli li jiġi ppruvat li kien se jsir attentat ta’ ħasil ta’ flus. Qal li l-intenzjoni mhux biżżejjed biex jiġi ppruvat reat.

Ix-xhud qal li d-Dipartiment qatt ma kellu remit li jipproċedi b’mod kriminali ġaladarba titħallas it-taxxa dovuta. Qal li sar titjib sostanzjali fil-ħidma konġunt bejn id-dipartiment il-pulizija u l-FIAU.

Tenna li wara r-rapport tal-MoneyVal sar dan it-tibdil.  Qal li parti kbira mis-750 kumpanija msemmija fil-Panama Papers ġew investigati iżda fadal xi jsir u għad baqa’ x-xogħol. Madanakollu qal li l-investigazzjoni tagħhom hi amministrattiva u għalhekk proċeduri kriminali jridu jittieħdu mill-Pulizija.

Qal li huwa jaqaż taħt il-Ministeru tal-Finanzi u tenna li r-rwol tiegħu jiġi bejnu u bejn il-Ministru u hemm ukoll is-Segretarju Permanenti li huwa l-‘go between’. Qal ilu jaħdem fid-Dipartiment tat-taxxa għal dawn l-aħħar 20 sena.

Huwa spjega li d-Dipartiment tat-Taxxa jikkonsulta mal-Ministeru biss f’termini ta’ policies, aspetti finanzarji legali u meta l-Ministeru jippjana l-baġit.

Kull min issemma fuq il-każ tal-Panama Papers ta ordni biex jiġi mistħarreġ kollox fil-konfront ta’ kull persuna li ssemmiet. Qal li jekk huwa jara li għandu jaġixxi, jaqbad u jaġixxi u ma jħarisx lejn uċuħ, anke persuni li huma esposti politikament. Bħala awtorità tat-taxxa, qal ukoll li kien ikkuntattja wkoll lill-International Consortium of Investigative Journalists (ICIJ).

Isegwi l-media u l-blog ta’ Daphne Caruana Galizia

Qal li kien qed isegwi l-media u fosthom il-ġurnali kif ukoll l-blog ta’ Daphne Caruana Galizia. L-Imħallef Emeritu Michael staqsa jekk kienx fi Frar tal-2016 meta Caruana Galizia ħarġet l-istorja tal-Panama Papers, li huwa sar jaf b’dan kollu. Il-Kummissarju wieġeb fl-affermattiv u qal li mill-ewwel ħass li kellu anke jagħti struzzjonijiet u nfetħu l-investigazzjonijiet.

Semma wkoll Swiss Leaks u li tahom priorità kbira kif ta lil Panama Papers fejn it-tax compliance unit talbet ukoll xi dokumenti. Gaerty għamel talba wkoll li jkompli jixhed fil-magħluq peress li ċerta informazzjoni ma jistax jagħtiha quddiem il-midja u li biex joħroġ ċerta nformazzjoni jrid ikollu l-approvazzjoni tal-Prim Ministru.

Qal li bħala l-Kummissarju għat-Taxxa Interni, huwa jista’, skont Artiklu 4, jagħti ċerta informazzjoni biss jekk il-Prim Ministru jagħtih permess. L-Avukata Therese Comodini Cachia li qed tirrappreżenta lill-familja Caruana Galizia qalet li jkun interessanti li kieku l-Prim Ministru jagħtih permess biex ma jixhidx fil-magħluq.

Huwa qal li purament b’mod legali li wieħed jiftaħ kumpanija l-Panama huwa diffiċli ħafna li wieħed jġib informazzjoni f’din il-ġurisdizzjoni. Isir audit u wieħed irid joqgħod fuq dak li għandu l-kumpanija.

Ix-xhud tenna li kull meta persuna tkun se tiġi investigata fuq ħasil tal-flus jew frodi, tingħata notifika u bħala parti mill-proċess, il-persuna tintalab tippreżenta xi dokumenti. Sostna li r-rapport tal-Moneyval kien wieħed korrett.

L-Avukat Comodini Cachia staqsiet jekk id-Dipartiment għandux il-poter li jieħu azzjoni fuq allegazzjonijiet ta’ tixħim, tal-Panama Papers, Swiss Leaks, eċċ. Kien mistoqsi wkollfuq liema rapport tal-awditur jistrieħ id-Dipartiment. Comodini Cachia kienet qed tirreferi għar-rapport tal-awditur li Konrad Mizzi qal li sar.

Hija staqsiet ukoll jekk Nexia BT, ta’ Karl Cini u Brian Tonna, qatt ġietx irrappurtata lill-bord tal-accountancy. Ix-xhud qal li huwa ma jistax iwieġeb din il-mistoqsija.

Il-Bord tal-Inkjesta jgħid li din l-mistoqsija tista’ titwieġeb f’seduta oħra. Hawn Gaerty qal li jekk il-Bord ta’ Inkjesta irid ikun jaf fuq persuni partikolari biex jagħati nformazzjoni, jkollu bżonn lista tal-persuni li se jissemmew, għax it-talba għall-approvazzjoni jkun irid jagħti dawn id-dettalji.

Gaerty ammetta li s-sistema mhix perfetta għaliex tagħti aktar kuraġġ biex isir evażjoni tat-taxxa. Dan peress li l-unika sogru huwa li jitħallsu lura l-flus dovuti u l-imgħax. Qal li din tagħti immunità lil persuni li jifilħu jħallsu. Qal li din il-kritika ħarġet ukoll fir-rapport tal-Moneyval.

Talba biex jitkellem fuq dawk imsemmija fil-Panama Papers

L-Avukat Comodini Cachia spjegat li x-xhud irid direzzjoni formali mingħand il-Bord tal-Inkjesta dwar jekk jistax jagħti ċerta informazzjoni, inkluż ismijiet. Qalet li sal-Ġimgħa li ġej hija se tippreżenta lill-Qorti b’lista ta’ nies imsemmija fil-Panama Papers, jew li kellhom x’jaqsmu.

Il-Bord tal-Inkjesta huwa mmexxi mill-Imħallef  Emeritu Michael Mallia u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro. Il-Bord irid jiddeċiedi jekk l-omiċidju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia setax jiġi evitat mill-awtoritajiet Maltin.

L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja ta’ Caruana Galizia. L-inkjesta mistennija tkompli nhar l-Ġimgħa, 21 ta’ Awwissu fejn mistenni jixhed rappreżentant tal-Ministeru għall-Finanzi, s-Superintendent Antonovich Muscat u eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.