Lokali Turiżmu

“Hemm bżonn urġenti li l-ħaddiema fl-industrija tat-turiżmu jiġu salvagwardati” – PN

Il-PN jippreżenta sett ta' proposti

“Fix-xhur li għaddew il-Partit Nazzjonalista kien propona numru ta’ proposti għall-industrija tat-turiżmu li ma ngħataw ebda widen mill-Gvern ta’ Robert Abela – illum nafu li kellna raġun.”

Dan sostnieh il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo fejn saħaq dwar l-importanza li l-industrija tat-turiżmu ta’ pajjiżna, flimkien mal-eluf ta ħaddiema li jaħdmu fiha, hemm bżonn li jiġu salvagwardati hekk kif il-Gżejjer Maltin qed iħabbtu wiċċhom mal-pandemija.

Robert Arrigo saħaq li l-aħħar ġimgħatejn għal dan is-settur ma kienu xejn feliċi, u l-istampa li barra minn xtutna għandhom ta’ pajjiżna mhux eċċellenti lanqas – b’mod speċjali wara li 3 linji tal-ajru internazzjonali ssospendew il-vjaġġi tagħhom minn u lejn Malta wara ż-żieda fil-każi ta’ Covid-19.

Għaldaqstant il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta sett ta’ proposti sabiex din l-industrija tqum fuq saqajha mingħajr ebda dewmien.

  • Kull tip ta’ attività fejn tlaqqa’ ġemgħa nies għandha jkollha tip ta’ health monitoring fil-post. Kemm jekk ikun każ ta’ boat trip jew attività oħra.
  • Għal xahrejn il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għandhom ikunu bla ħlas, kemm għar-residenzi kif ukoll għan-negozji. Dan filwaqt li preferibilment għat-tnax-il xahar li ġejjin il-kontijiet ikollhom roħs ta’ 50%.
  • Id-data tal-għeluq tal-vouchers ta’ €100 ikunu estiżi minn Settembru sal-aħħar tas-sena. Dan filwaqt li x-xirjiet mill-ħwienet tal-merċa għandhom ikunu nklużi wkoll ma’ dawn il-vawċers.
  • It-€800 sussidju li ngħata mill-Gvern għandu jiġi estiż sal-31 ta’ Marzu, 2021 għal kull negozju fl-industrija privata.
  • Kull ħaddiem mal-Gvern li nħatar fuq bażi ta’ persons of trust jew positions of trust għandhom jaċċettaw tnaqqis fil-paga, mingħajr perks u jagħtu s-somma li tkun twarbet lill-food banks fil-pajjiż.
  • Hemm bżonn li jiġu żgurati wkoll il-kuntratti preżenti u futuri mal-linji tal-ajru u mat-tour operators barranin li jinsabu fiż-żona l-ħadra.
  • L-Air Malta trid tiġi re-adattata hekk kif pajjiżna qed iħabbat wiċċu mat-tieni mewġa tal-pandemija tal-Covid-19.
  • Il-maskri għandhom jkunu obbligatorji u jintlibsu kullimkien, minn kulħadd.
  • Estensjoni tal-moratorji tal-bank fuq house loans u negozju sal-31 ta’ Marzu, 2021.
  • Ir-rati t’interess li huma fuq bażi ta’ 0%, lokalment għandhom jinżammu fuq bażi ta’ 1.75%.
  • It-taxxa posposta mħabbra mill-Gvern għandha tiġi mnaqqsa b’50%.
  • Ir-rata tal-VAT għandha tiġi mraħħsa sa massimu ta’ 5% fuq il-firxa kollha.
  • Ir-rata tal-VAT fl-industrija tal-akkomodazzjoni fl-istaġun tax-Xitwa tinżel għal 0%.
  • Għandu jiġi introdott passaport tas-saħħa.
  • Kull min jiġi f’pajjiżna kemm mill-ajruport kif ukoll mill-portijiet tagħna għandhom jiġu screened.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li jittama li dawn il-proposti li żgur ser iservu ta’ ġid għall-industrija u għall-poplu Malti u Għawdxi ma jiġux għal darb’oħra injorati mill-Gvern ta’ Robert Abela.