Lokali

Id-deheb kollu ta’ Pandolfino baqa’ fuqu

Kollox qed ikompli jindika li ma kien hemm ebda hold-up

Kuntrarju għal diversi rapporti li ħarġu fil-media fl-aħħar sigħat, dan is-sit jista’ jikkonferma li d-deheb kollu li kellu fuqu Chris Pandolfino ma nsteraqx. Dan hekk kif is-sorsi tagħna qalulna li l-aggressuri “ma ħadu xejn mill-post”.

Illum kien hemm ukoll rapporti dwar “taqlib” fid-dar fejn kienu jgħixu Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski. Minkejja dan, l-istess sorsi li tkellmu magħna ikkonfermaw li minn dak li raw l-investigaturi, kien hemm biss żewġ kxaxen fil-kamra tas-sodda li nstabu miftuħin.

Għalkemm il-kelliem uffiċjali tal-Pulizija qal li hemm 3 persuni li qed jiġu imfittxija, dan is-sit jista’ jikkonferma li l-investigaturi qed jimxu fuq it-tezi li kienu b’kollox 4 dawk involuti – it-tlieta li inqabdu fuq is-CCTV deħlin fid-dar tal-koppja, u raġel ieħor li kien qed jistennihom fuq barra f’vettura ta’ kulur abjad.

Il-karozza kienet ilha sentejn rappurtata misruqa.

Mhux eskluża wkoll it-teżi li l-irġiel tqabbdu minn terzi persuni biex iwettqu dan id-delitt.

Dan il-qtil doppju ħasad lil bosta qraba u ħbieb tal-koppja, li kienu ilhom snin f’relazzjoni fl-imkien. U li din id-dar f’Tas-Sliema kienet ir-residenza ewlenija tagħhom.

It-Tlieta, il-ġurnalisti ta’ Net News kienu l-ewwel li waslu fil-post, fejn stajna ninnutaw kommossjoni kbira li ddominat fi Triq Locker fil-minuti ta’ wara l-isparatura. B’uħud mill-ġirien li jgħixu fl-istess triq jinstemgħu jgħidu “sparawlhom, sparawlhom”.

Is-sorsi tagħna qalulna li Ivor Maciejowski instab fis-sular ta’ fuq, wiċċ ‘l fuq f’għadira demm. L-Ingliż kien liebes biss qalziet. Il-katavru ta’ Pandolfino instab isfel fin-naħa tal-bieb.

Net News jista’ jikkonferma wkoll li l-Ħamis, il-Maġistrat Ian Farrugia se jkompli jiġbor il-fatti kollha marbuta ma’ dan il-każ bħala parti mill-inkjesta, u fost l-oħrajn se jkun qed isejjaħ il-Qorti numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija.