Għal jiem li ġejjin il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema ser ikun magħluq. Dan tħabbar fuq il-midja soċjali tal-istess kunsill wara li ġie spjegat li fl-aħħar jiem xi nies li ttestjaw pożittivi għal coronavirus żaru lill-binja.
Ġie spjegat li m’hemm l-ebda lok ta’ paniku iżda din id-deċiżjoni ttieħdet bħala prekawzjoni u sigurtà għall-impjegati u r-residenti. Dan filwaqt li ntqal li kull min mar il-Kunsill f’din l-aħħar ġimgħa jistgħu jiddeċiedu li jmorru jagħmlu swab test.
Ġie spjegat li din kienet deċiżjoni li ttieħdet immedjatament wara li waslitilhom din l-informazzjoni u għaldaqstant minn għada, il-linji telefoniċi ser ikunu qed jaħdmu b’mod normali – minkejja li talbu għall-paċenzja tal-pubbliku minħabba l-fatt li l-ħaddiema ser ikunu qed jaħdmu kif jistgħu, mid-dar.
Dan filwaqt li ħeġġew lill-pubbliku sabiex iżommu l-attenzjoni u jieħdu ħsieb saħħithom tul din il-pandemija.
//= $special ?>