Lokali

“Il-Proposti tal-Air Malta huma diviżivi” – ALPA

L-Assoċjazzjoni tal-Piloti (ALPA) sostniet li l-proposti li ressqet l-Air Malta li setgħu wasslu biex il-piloti li ngħataw is-sensja f’Ġunju li għadda jerġgħu jidħlu għax-xogħol, kienu propostivi “diviżivi u li joħolqu diskriminazzjoni bejn il-piloti li ngħataw is-sensja u l-piloti li nżammew mill-linja tal-ajru”.

Fi stqarrija, l-ALPA qalet li wara li kkonsultaw ma’ sħabhom li tilfu l-impjieg, 96% tal-piloti li għadhom jaħdmu mal-Air Malta, ivvotaw kontra din il-proposta, bil-kumplament jastjenu. Ħadd ma vvota favur.

L-ALPA qalet li ppreżentat kontro-proposta li jkun hemm tnaqqis ta’ 50% fil-paga tal-piloti kollha, irrispettivament jekk għadhomx impjegati jew le u li kienet fil-parametri tal-estimi finanzjarji tal-kumpanija.

Barraminhekk, l-ALPA qalet li filwaqt li l-Air Malta qalet li dawn il-proposti kienu jwasslu biex il-piloti li tkeċċew jerġgħu jibdew jaħdmu, li mhux qed jgħid il-management tal-kumpanija hu li biex dan kollu jseħħ, l-ALPA trid tirrinunzja għad-drittijiet miksuba mill-membri tagħha fil-ftehim iffirmat mal-Gvern f’Jannar 2018.

L-istqarrija ttemm li l-ALPA mhux tifhem għaliex il-Gvern għen diversi industriji u negozji li ntlaqtu ħażin mill-pandemija, iżda ma għamel xejn li jħares l-impjiegi ta’ persuni li ddedikaw il-parti l-kbira ta’ ħajjithom f’xogħol mal-linja nazzjonali tal-ajru.

Ikkummenta