Coronavirus Futbol Sport

Il-UEFA tiddiskuti r-ritorn tal-partitarji fl-istadiums madwar l-Ewropa

(Ritratt: EPA)

F’laqgħa li saret b’mod virtwali mal-55 assoċjazzjoni, il-UEFA ddiskutiet il-possibilità li l-partitarji jirritornaw fl-istadiums waqt il-pandemija tal-coronavirus. Din il-laqgħa kienet parti minn proċess ta’ konsultazzjoni li bħalissa l-UEFA għaddeja bih biex tanalizza l-mod ta’ kif il-partitarji jistgħu jirritornaw isegwu l-partiti mill-istadiums filwaqt li jkun hemm l-inqas riskju possibli li wieħed jinfetta ruħu bil-virus.

Il-maġġoranza ta’ dawk li kienu nvolut f’din il-laqgħa qablu li jrid ikun hemm regoli stretti dwar l-indafa tal-istadiums. Il-UEFA qalet li jkun kmieni wisq li l-partitarji jirritornaw għall-partiti internazzjonali ta’ Settembru li ġej u qalet li se tkun qed tuża xi partiti bħala prova bl-istess UEFA tissuġerixxi l-finali tas-Super Cup li se tintlagħab fl-24 ta’ Settembru f’Budapest.

Matul din il-laqgħa kienet ukoll diskussa l-kwistjoni tal-kwarantina u b’referenza partikolari għall-partiti internazzjonali minħabba li xi plejers li jkunu ġejjin minn pajjiżi li fihom hemm r-restrizzjonijiet ikollhom jinżammu fi kwarantina. Għal dan, il-UEFA nkoraġġiet lill-assoċjazzjonijiet biex jiddiskutu din is-sitwazzjoni mal-Gverninjiet u l-awtoritajiet ripsettivi tagħhom.