Lokali

“Jeħtieġ pjan ċar u konsistenti biex jingħelbu d-diffikultajiet tas-self employed” – PN

Bi ftit għaqal issa, nistgħu nsalvaw is-suq tax-xitwa iżda jekk ma nippjanawx tajjeb issa, nistgħu faċilment nitilfu s-suq tal-lum u tax-xitwa b’dak kollu li jġib miegħu  iż-żmien tal-Milied.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija ffirmata minn Edwin Vassallo, Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Agrikoltura u s-Sajd, Delizzji, Self Employed u l-Koperattivi u Kristy Debono, Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Investiment Ekonomiku u Negozji Żgħar, s-Servizzi Finanzjarji u l-Aċċessibbiltà għall-Fondi u Budget Ewrope

L-istqarrija tgħid li jeħtieġ li l-Gvern ikun organizzat u li juri li jaf xi jrid u fejn irid jasal. B’dan it-taħwid  min-naħa tal-Gvern Laburista, li dak li jħabbar matul il-jum iħassru matul il-lejl, kulma se jkollna hija biss day to day management għan-negozji tagħna. B’dan il-mod l-inċertezza fost ħafna self employed se tikber u daqshekk ieħor se tikber l-inċertezza u l-biża’ fost il-konsumaturi. Bl-inċertezza li qed joħloq il-Gvern Laburista stess bit-taħwid tiegħu, numru kbir ta’ self employed illum aktar minn qatt qabel qed iħossu li n-negozju tal-familji tagħhom huwa mhedded.

Il-Gvern għandu jerfa’ r-responsabbiltà u jkun Gvern konsistenti, u mhux iktar il-Prim Ministru Robert Abela jgħid bil-kontra tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u tas-Supretendent tas-Saħħa. Is-self employed jixirqilhom aħjar, pjan fit-tul u gvern li jkollu l-kuraġġ li finalment isegwi l-pjan tiegħu stess.

L-inqas li għandna bżonn f’dawn il-ġranet ta’ inċertezza minħabba l-pandemija, huwa populiżmu fil-poltika, fejn il-ġirja għall-voti tirbaħ fuq r-responsabbilita’ li għandu juri kull minn hu serju, temmet tgħid l-istqarrija.