Coronavirus Lokali

L-MDA ukoll imħassba kif qed tkun immaniġġjata t-tieni mewġa tal-Coronavirus

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi (MDA) qalet li hi mħassba bil-mod kif qed tkun immaniġġjata t-tieni mewġa tal-Coronavirus. Għaldaqstant, l-irkupru ekonomiku għandu jseħħ skont din ir-realtà ġdida.

Kien għalhekk li l-Assoċjazzjoni sejħet għal impenn aktar ikkordinat, filwaqt li ressqet proposti lill-Gvern f’Ġunju li għadda, li wasslu għal riżultati tanġibbli li diġà qed jinħassu mill-industrija.

Hekk qalet l-MDA fi stqarrija, fejn kien spjegat li ċifri li għandha l-Assoċjazzjoni turi li Lulju kien l-aħjar xahar fl-aħħar snin għan-numru ta’ konvenji fuq il-propjetajiet. Fil-fatt, kien spjegat li x-xahar li għadda saru aktar minn 1,600 konvenju għall-valur totali li jaqbeż it-330 miljun ewro.

Min-naħa l-oħra, l-MDA esprimiet tħassib dwar il-ħtieġa ta’ aktar viġilanza kontinwa fil-ġlieda kontra l-Coronavirus, kif ukoll biex ikun żgurat li jittieħdu miżuri bilanċjati. Appellat biex jinħoloq l-istimolu adattat, kif ukoll li jseħħ monitoraġġ kontinwu ta’ kif qed tinxtered l-imxija.