L-Għaqda tan-Nar Marija Bambina tal-Mellieħa ġiet ordnata tniżżel is-salib li kien hemm fiż-żona tax-Xagħra u li kien ilu hemm mill-Ġimgħa l-Kbira. Din is-sena, is-salib kien tħalla hemm minħabba ċ-ċirkostanzi li qegħdin fihom kawża tal-pandemija u kien ġest apprezzat minn ħafna nies.
Dan tniżżel għaliex l-Għaqda kellha ordni biex jinżel is-salib b’notifika t’infurzar mill-inħawi fejn jingħata n-nar fil-Festa tal-Vitorja wara li daħal rapport min xi ħadd li dejjqu s-salib.
“Filwaqt li ma nistghux nifhmu x’seta’ dejjaq dan is-salib, ma kellniex triq oħra ħlief li nobdu l-awtoritajiet konċernati”, qalet l-Għaqda.
Dwar dan il-każ, il-Kap tal-PN Adrian Delia stqarr li dan is-salib għandu jerġa jitpoġġa fejn kien. “Mhux dan is-Salib għandu jitneħħa iżda slaleb oħrajn li qed jifgaw lil pajjiżna, bhal ma’ huma l-pjaga tal-korruzzjoni, l-kriminalita organizzata u l-atteġġjament ta’ min hu l-aqwa jħawwel b’konsegwenza lir-reputazzjoni ta’ pajjżna qed togħtor u ċ-ċittadin onest qed isoffri l-konsegwenzi”.
Fuq facebook, id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar stqarr li l-awtoritajiet għalqu għajnejhom għal ħafna ħniżrijiet fil-Mellieħa, iżda mbagħad għażlu li joħorġu ordni ta’ dan it-tip.
Stqarrija oħra li saret mill-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista ħabbret li nbdiet tinġabar petizzjoni minnhom sabiex din id-deċiżjoni tiġi rrevokata u jingħata permess biex jerġa jitpoġġa dan is-salib f’din iż-żona. Il-kunsillieri tal-PN fil-fatt jappoġġjaw il-ħsieb li dan is-salib jerġa’ jittella’.
“B’dan ma rridux infissru li jekk kien hemm ksur ta’ proċedura, dawn ma jissewwewx, imma nħeġġu li fil-futur wieħed ikun aktar kawt f’każi bħal dawn. Saru ħafna aktar affarijiet gravi fi żvilupp ieħor madwar il-lokalità u għaldaqstant ma nistgħux nifhmu kif ittieħdet din l-azzjoni.”
Din l-istqarrija kienet iffirmata mill-Minority Leader tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, Ivan Castillo, u l-kunsilliera Nazzjonalisti Marvin Abela, Emvin Bartolo u Gabriel Micallef.
//= $special ?>