Lokali Qorti

Psikjatra se jeżamina s-saħħa mentali ta’ Salvu Dalli biex jiġi stabbilit hux f’qagħda li jgħaddi ġuri

Tibda l-kumpilazzjoni ta' missier mixli bil-qtil ta’ ibnu f’Ħal Għaxaq

L-Avukat Lennox Vella li qed jidher għal Salvu Dalli, mixli bil-qtil ta’ ibnu aktar kmieni dan ix-xahar talab lill-Qorti biex din taħtar psikjatra biex jeżaminah. Fit-talba ngħad li Dalli magħruf bħala “Dangerman” kien pazjent fl-Isptar Monte Carmeli.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Farrugia laqgħet it-talba u ħatret lill-Psikjatra George Debono biex jeżamina s-saħħa mentali ta’ Salvu Dalli biex ikun stabbilit jekk jistax jaffaċċja proċeduri kontrih li eventwalment iwasslu għall-ġuri. Irid jiġi stabbilit kif kien l-istat mentali tiegħu fis-7 ta’ Awwissu 2020 meta seħħ id-delitt li qed jiġi akkużat bih.

Salvu Dalli ta’ 68 sena minn Ħal Għaxaq mixli bil-qtil ta’ ibnu Antoine Dalli nhar il-Ġimgħa, 7 ta’ Awwissu li għadda fir-residenza tiegħu f’Ħal Għaxaq qa lill-Pulizija li “din kienet ilha ġejja” u li sa minn Ġunju li għadda r-relazzjoni bejniethom kienet marret minn ħaħin għall-agħar.

Fil-fatt allega mal-istess Pulizija li ibnu kien jheddu li joqtlu u jekk imur il-ħabs isib ħbieb li jpattuhielu. Salvu Dalli allega wkoll mal-Pulzija li l-korp naqas milli jieħu azzjoni. Fil-fatt l-akkużat qal li dak inhar tal-inċident ibnu beda jgħajjat minn barra t-triq, “illum żgur noqtlok”.

Dan kollu ħareġ meta bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni ta’ Salvu Dalli fejn xehed l-Ispettur Keith Arnaud, li qal li l-akkuat qalilhom li dakinhar tad-delitt, ibnu ta’ 37 sena allegatament mar bir-rota quddiem id-dar ta’ tiegħu fi Triq il-Gudja, Ħal Għaxaq.

Minn filmati tas-CCTV huwa deher iwaddab ir-rota fl-art quddiem garaxx waqt li l-missier qal li waqt li kien fis-sodda sema’ lil ibnu jgħajjat u joffendih sew minn barra mir-residenza.

Skont l-Ispettur Arnaud, Salvu Dalli qal lill-Pulizija li ftit sekondi wara ibnu sgassa l-bieb ta’ barra, u dan mar għalih fl-ewwel sular fil-kamra tas-sodda. Salvu Dalli kompla jgħid lill-Pulizija li hu kien iżomm senter qrib is-sodda tiegħu biex jiddefendi ruħu, u li dan qatt ma kien użah qabel.

Huwa qal lill-Pulizija li hu ħa skartoċċ milli kien ħalla ibnu stess, daħlu u kkarga s-senter. Allega li kif Antone Dalli daħal fil-kamra tas-sodda, mbuttah u pprova jħebb għalih.

Salvu Dalli qal li kien hawn li qabad is-senter u spara tir. L-Ispettur Arnaud xehed li fil-kamra tas-sodda ma nstabu l-ebda traċċi ta’ dmija u minflok sabu d-demm fl-art eżatt qabel tidħol fil-kamra tas-sodda u l-kurridur li jagħti għall-kamra tal-banju.

Hemmhekk Antoine Dalli nstab mejjet fix-‘shower tray’ b’ferita gravi f’żaqqu waqt li mill-vit tas-sink kien għadu niżel l-ilma. Arnaud qal ukoll li mill-istess filmati tas-CCTV ħareġ li Antoine Dalli kien daħal fid-dar ta’ missieru fl-10.51am u missieru deher ħiereġ fil-11am u mexa fid-direzzjoni ta’ wieħed mill-ġirien fejn talab biex iċempel lill-Pulizija u jgħarrafhom bl-isparatura.

L-Ispettur Keith Arnaud qal li l-Pulizija tkellmet mas-sieħba tal-vittma u omm iż-żewġt itfal ta’ tlieta u erba’ snin. Qal li s-sieħba rrakkontat li fl-aħħar xahrejn kien hemm ħafna diżgwid u inċidenti bejn Antoine Dalli u missieru.

Żvelat li hi kienet ilha taf lill-vittma għal dawn l-aħħar sitt snin u dejjem għexu fid-dar ta’ Salvu Dalli li wara l-mewt ta’ martu 10 snin ilu kien mar jgħix f’dura fiż-Żurrieq.

Is-sieħba qalet lill-Pulizija li madwar tliet ġimgħat ilu, Salvu Dalli kien keċċa lil ibnu mid-dar u hu mar jgħix hemm waqt li lilha u lit-tfal ħallihom jibqgħu jgħixu hemm sakemm fl-1 ta’ Awwissu keċċihom ukoll u hi, Antoine u ż-żewġt itfal marru jgħixu f’razzett taz-zijiet ta’ Antoine f’Ħal Għaxaq stess.

L-Ispettur Arnaud qal li mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija nstabu rekords ta’ wħud mill-inċidenti. Semma kif fis-6 ta’ Lulju 2020, Salvu Dalli għamel rapport fl-għassa taż-Żejtun jitlob lill-Pulizija tintervjeni għax it-tifel kien reġa’ qabad sew il-vizzju tad-droga u ma kienx qed jagħmilha ma’ kumpanija tajba.

Salvu Dalli allega wkoll mal-Pulizija li Antoine Dalli kien tah daqqa ta’ ponn barra r-residenza tiegħu f’Ħal Għaxaq. Kif il-Pulizija kellmu lil Antoine Dalli, kien allega li missieru ħebb għalih u ġew fl-idejn.

Ix-xhud qal ukoll li l-uffiċjali tal-Victim Support Group kien intervjenew u sabu li Salvu Dalli kien indarab ħafif waqt li l-Pulizija ħarġet akkużi kontra Antoine Dalli li kellhom jinstemgħu fil-Qorti.

L-Ispettur Keith Arnaud kompla jgħid li l-Pulizija rċeviet rapport ieħor fil-1 ta’ Awwissu li għadda meta s-sieħba ta’ Antoine Dalli talbet il-protezzjoni tal-Pulizija biex tidħol id-dar ta’ Salvu Dalli u tiġbor xi affarijiet personali.

L-Ispettur Arnaud qal li lejlet id-delitt, Salvu Dalli għamel rapport ieħor mal-Pulizija li ibnu kien ħebb għalih għax beda jwaħħal fih li l-aġenzija Appoġġ kienet se tieħu lil uliedu.

L-Ispettur qal ukoll li dakinhar stess tal-qtil, il-Pulizija rċeviet rapport minn Silvan Dalli, wieħed miż-żewġt aħwa subien ta’ Antoine Dalli jallega li ħuħ kien qed jheddu. Ix-xhud tenna li l-Pulizija ppruvaw jagħmlu kuntatt bit-telefon ma’ Antoine Dalli iżda ma kienx hemm rispons.

Wara xehdu l-Ispettur Fabian Fleri u s-Surġent Stephen Gulia li qalu kif waslu fid-dar fejn seħħ l-allegat delitt, bl-akkużat Salvu Dalli jgħid il-kliem ‘sparajtlu, tafu jekk għadux ħaj?’ L-Avukati Kathleen Calleja Grima Franco Debono u Francesca Zarb qed jidhru parte civile għas-sieħba u ż-żewġt itfal tal-vittma. Il-kumpilazzjoni tkompli nhar il-Ġimgħa.