Lokali

Raġel barrani midrub wara ġlieda fi Triq il-Kbira l-Ħamrun

Raġel barrani ta’ 24 sena ddaħħal b’urġenza l-isptar Mater Dei wara li sofra ġrieħi minn oġġett iebes f’argument fi Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun.

L-argument seħħ kmieni dalgħodu qrib ħanut tal-electronics, bil-Pulizija tar-Rapid Internvention Unit jaslu fil-post ftit tal-minuti wara. Qrib il-ħanut instabu traċċi tad-dmija, possibilment tal-vittma.

Persuna oħra ta’ nazzjonalità barranija qed tinżamm mill-Pulizija b’rabta mal-każ.

Il-vittma ttieħed l-isptar b’ambulanza li waslet fil-post u sa issa l-kundizzjoni tiegħu għada mhux magħrufa.

L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.