Coronavirus Għawdex Lokali

Talba għal diskussjoni dwar l-imxija l-ġdida tal-Coronavirus u l-impatt fuq Għawdex

Id-Deputati Nazzjonalisti Għawdxin jinsabu mħassba dwar l-imxija l-ġdida tal-COVID-19 u l-impatt fuq Għawdex. Dan it-thassib hu rifless fil-komunita’ Għawdxija li minkejja l-kliem sabiħ tal-Gvern Laburista, li issa konna sejrin lura għan-normal, f’daqqa waħda skopriet li l-COVID-19 qed terġa’ terfa rasha u bil-kbir. Dan ifisser problemi għall-Ghawdxin mhux biss rigward saħħithom, iżda wkoll għall-għixien tagħhom li diġa’ jinsab mhedded mid-daqqa li ħa t-turiżmu li fuqu jiddependi Għawdex.

Fi stqarrija, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Chris Said, Frederick Azzopardi u Kevin Cutajar qalu li minħabba dawn l-inċertezzi u fuq kollox minħabba s-skiet li jtarrax tal-Gvern fuq aspetti bħalma huma n-numru ta’ persuni infettati bil-virus, kif is-servizzi tas-saħħa qed jilqgħu għall-effetti tal-istess virus, kif l-aċċess għall-gżira qed jiġi kkontrollat u kif l-ekonomija Għawdxija qegħda u se tintlaqat, d-Deputati Nazzjonalisti Għawdxin għamlu talba formali biex malajr kemm jista’ jkun jitlaqqa’ l-kumitat Parlamentari għal Għawdex biex issir diskussjoni dwar dan u possibilment jiġu identifikati soluzzjonijiet. It-talba saret liċ-chairperson tal-kumitat Dr Justyne Caruana u l-appell tad-Deputati Nazzjonalisti Għawdxin u li fl-aħjar interess ta’ Għawdex fi żminijiet diffiċli bħalma huma dawk ta’ bħalissa, t-talba tintlaqa.