Lokali

Żbilanċ politiku m’għandux jiġi indirizzat billi tinħoloq media blackout – Adrian Delia

Żbilanċ politiku waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern m’għandhom qatt jiġu indirizzati billi jiġi ċċensurati l-ġurnalisti jew titpoġġa xi sarima ma’ ħalqhom. Dan għaliex ir-raba’ pilastru tad-demokrazija tagħna għandhom mhux biss id-dritt imma wkoll id-dmir li jistaqsu l-mistoqsijiet l-iżjed pertitenti biex toħroġ il-verita’ u sabiex jiżgura checks and balances fuq il-Gvern tal-ġurnata.

Hekk qal fi stqarrija l-Kap tal-PN Adrian Delia, fejn spjega li għalkemm kien il-Partit Nazzjonalista stess li kien ressaq ilment lill-Awtorita’ tax-Xandir sabiex din l-awtorita’ tiżgura li jkun hemm bilanċ politiku waqt konferenzi tal-aħbarijiet tal-Gvern, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma tista’ qatt taqbel li biex jindirizzat dan l-iżbilanċ għandhom jiġu msikkta l-ġurnalisti, jew li l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti lill-membri tal-Gvern li jkunu qegħdin jindirizzaw il-konferenzi tal-aħbarijiet ma jiġux imxandra u ċċensurati.

L-iżbilanċ politiku ħolqu l-Prim Ministru Robert Abela li ħataf ix-xandir nazzjonali u ġabu pjattaforma politika għalih biex jindirizza konferenzi tal-aħbarijiet li ġabhom partiġġjani u biex jattakka lill-Oppożizzjoni. Robert Abela meta jfettillu jagħżel ukoll li flok jindirizza lill-pajjiż fuq ix-xandir nazzjonali jmur fuq l-istazzjon tat-televiżjoni tal-Partit Laburista, biex hemmhekk jgħid li jrid u jattakka lill-Oppożizzjoni kif irid. Biex jevita lill-Awtorita’ tax-Xandir, li hija responsabbli Kostituzzjonalment li tħares il-bilanċ politiku fix-xandir f’Malta.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jerġa’ juri solidarjeta’ mal-ġurnalisti kollha li jagħmlu xogħolhom b’dedikazzjoni kbira minkejja li jiġu mfixkla mill-Gvern stess li mhux l-ewwel darba li żamm l-informazzjoni u naqas milli jwieġeb għall-mistoqsijiet tagħhom. Xenarju li deher biċ-ċar fil-mod kif il-liberta’ tal-kelma u l-liberta’ tal-espressjoni dejjem nieżla ‘l isfel tant li qed jiġi rifless f’numru ta’ indiċi internazzjonali ġurnalistiċi fosthom Freedom Index.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li f’pajjiż demokratiku kulħadd għandu dritt li jitkellem u li jkollu l-liberta’ tal-espressjoni, u ferm iktar importanti li l-vuċi tal-ġurnalisti mhux biss tiġi mħarsa iżda wkoll imsaħħa.