Lokali Qorti

29 xahar ħabs għal erba’ immigranti li ppruvaw jaħarbu minn Malta

Erba’ immigranti, tnejn mis-Sudan, wieħed mill-Mali u ieħor mill-Eritrea ġew ikkundannati 29 ħabs bejniethom wara li ammettew li ppruvaw jaħarbu minn Malta b’xi mezz jew ieħor.

Wieħed mill-immigranti pprova jaħrab mingħajr dokumenti permezz tal-Katamaran ieħor permezz ta’ dokument falsfikat mill-ajruport internazzjonali ta’ Malta u t-tnejn l-oħra kellhom fil-pusses tagħhom dokumenti mhux oriġinali.

L-Ispettur Hubert Gerada mill-Uffiċċju Prinċipali tal-Immigrazzjoni talab lill-Maġistrat Neville Camilleri biex il-piena fil-konfront tal-erba’ akkużati tkun dik ta’ ħabs effettiva, mhux biss għax falsifikar ta’ dokument huwa ksur lampanti tal-liġi, imma għax hemm minn dawn li ġew salvati minn pajjiżna, biex issa għamlu li għamlu. L-Avukat tal-għajnuna legali Martha Mifsud talbet lill-Qorti biex iqis il-fatt tal-ammissjoni bikrija fil-konfront tal-erba’ rġiel.

L-ewwel ma tressaq kien Djarra Bakaye ta’ 39 sena mill-Mali residenti l-Mosta. Huwa ammetta li nhar l-Erbgħa li għaddew u fil-ġranet ta’ qabel iffalsifika passaport u li għamel użu minn dokumenti oħra b’mod illegali. Il-Qorti kkundannat lil Bakaye tmien xhur ħabs.

Wara tressaq Ali Khamis ta’ 21 sena mis-Sudan, residenti l-Marsa, li ammetta li nhar l-Erbgħa kellu fil-pusses tiegħu passaport Taljan tar-Refuġjati maħruġ f’isem ċertu Fadol Habib u li ttanta jagħmel użu minn dan id-dokument u li għamel dikjarazzjoni falza.

L-Ispettur Gerada qal li l-persuna ammetta fl-istatement li xtara l-passaport għas-somma ta’ ta’ €600, meta dan kellu l-faċilita’ li jistenna u jiġi regolarizzat. Huwa ġie kundannat seba’ xhur ħabs.

Wara tressaq Adam Abubaker Omar ta; 26 sena mill-Eritrea, residenti fiċ-Ċentru Miftuħ  ta’ Ħal Far. Huwa ammetta li fid-9 ta’ Awwissu ffalsifika passaport u li għamel użu minnu. Ammetta wkoll li kellu fil-pusses tiegħu dokument mingħajr awtorità leġittima. L-Ispettur qal li dan mar l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, nhar l-Erbgħa li għaddew, u pprova jaħrab b’dokumenti foloz. Huwa ġie kundannat tmien xhur ħabs.

Fl-aħħar tressaq Altaher Nagm Aldein ta’ 34 sena mis-Sudan, residenti fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far li ammetta li kmieni l-Ħamis filgħodu bejn it-3.00am u l-5.00am. ipprova jaħrab bil-katamaran mit-terminal tal-Virtu Ferries. L-Ispettur Haber qal li dan ipprova jaħrab mingħajr ebda dokumenti.Huwa ġie kundannat sitt xhur ħabs.