Lokali

AĠĠORNATA: Il-Gvern kostrett iniżżel 118-il immigrant fl-Isla

Wara żewġ żjatat tal-Prim Ministru Robert Abela fil-Libja f'nofs pandemija biex "isolvi l-problema tal-immigrazzjoni", Byron Camilleri fuq facebook jgħid li ma kellhomx "għażla oħra"

118-il immigrant, fosthom tarbija tat-twelid, ħamest itfal u għaxar nisa, ddaħħlu f’Boiler Wharf l-Isla għall-ħabta tas-sitta tal-Ħamis filgħaxija.

Kien NET News li żvela kif kmieni l-Ħamis waranofsinhar, il-Forzi Armati ta’ Malta, bil-lanċa P52, salvat lil dawn l-immigranti wara jiem ta’ talbiet għas-salvtaġġ. Iżda l-AFM tħalliet fil-limbu mill-Gvern bejn sema u ilma ftit ‘il barra mill-kosta Maltija.

Dan biex tistenna xi forma ta’ deċiżjoni minnu dwar fejn se jiddahhlu, jekk hux se jinzammu fic-Centri ta’ Detenzjoni jew fuq xi bastiment f’ibhra territorjali internazzjonali.

Minkejja dan, il-Gvern dam sieket kważi 5 sigħat wara li ġiet żvelata l-istorja tas-salvataġġ u siegħa u nofs wara l-iżbark sakemm biex ibenġel is-sitwazzjoni, il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri għamel apparenza fuq facebook jgħid li jifhem ir-rabja tal-pubbliku għaliex jirrabja bħalhom:

Nifhem li minkejja dan kollu jiġu ġranet bħal tal-lum, fejn iċ-ċittadini Maltin jinkwetaw u jirrabjaw. (…) Jien l-ewwel wieħed nirrabja bħalkom.”

Iżda minkejja li qal li hu flimkien mal-Prim Ministru, Robert Abela, u mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Evarist Bartolo, marru l-Libja darbtejn f’nofs pandemija biex irażżan il-wasliet t’immigrant, Byron Camilleri qal għal darba darbtejn li ma kellhomx għażla oħra ħlief li jdaħħal 118-il immigrant:

Illum il-Forzi Armati ta’ Malta se jkunu kostretti jdaħħlu numru ta’ immigranti rregolari. (…) Din kienet sitwazzjoni fejn il-Forzi Armati ta’ Malta ma kellhomx għażla oħra.”

B’dawn il-118-il wasla tal-Ħamis, huma aktar minn 2,100 immigrant li ġew salvati u ddaħħlu f’pajjiżna meta sal-aħħar ta’ Lulju tas-sena li għaddiet, f’pajjiżna wasslu 500 immigrant anqas meta mqabbel ma’ din is-sena. Iżda l-Gvern mhuwiex jikkonvinċi fl-Unjoni Ewropea għaliex irnexxiel jirriloka 450 immigrant biss mill-2,100 li ddaħħlu f’pajjiżna:

Din is-sena ġibna 450 pledge ta’ rilokazzjoni ta’ immigranti.”

B’hekk, minn tal-anqas 1600 immigrant se jkunu baqgħu f’pajjiżna.

Kien lejn fl-aħħar tax-xahar li għadda meta l-Gvern ħareġ espressjoni ta’ interess għal bastiment bil-għan li fuqu jinżammu immigranti fi kwarantina. Sa issa għadu mhux ċar jekk dan it-tender ġiex aġġudikat jew le, bil-Ministru jgħid biss li l-proċess għadu għaddej.

Ftit tal-ħin wara, biex il-Gvern ikompli jbenġilha, tfaċċa l-Brigadier tal-Forzi Armati, Jeffrey Curmi, fuq l-ahbarijiet tat-8pm tax-xandir nazzjonali sabiex jiġġustifika s-salvataġġ tal-118-il immigrant fejn wissa li jkun hemm aktar wasliet:

Id-dgħajjes u dinghies li qed jitilqu mil-Libja kontinwament huma ħafna. Ġieli jkollna 25 każ għaddejjin fl-istess mument.”

U fejn ma tlaħħaq il-gwardja tal-kosta Libjana, tinterċedi l-armata Maltija:

Jekk ma jlaħħqux huma, dawn ħa jibdew jidħlu fis-SAR Maltin. F’dak il-każ, hija r-responsabbiltà tagħna li nikkoordinaw is-salvataġġ.”

Huwa qal li s-suldati kienu liebsa l-ilbies kollu protettiv hekk kif wara l-iżbark taghhom f’pajjizna, il-118-il immigrant kienu mistennija jagħmlu swab test għall-Coronavirus u jiġu iżolati fi kwarantina.