Ambjent Lokali

BirdLife Malta tniedi l-kampanja #onthemove

Dan bil-għan li tispira lill-pubbliku biex igawdi, jieħu ħsieb u jħares l-għasafar matul il-passa tal-ħarifa

BirdLife Malta għadha kif nidiet kampanja ġdida li se xxerred għarfien dwar il-passa tal-għasafar bil-għan li tħeġġeġ aktar nies igawdu, jieħdu ħsieb u jinvolvu ruħhom fil-ħarsien tal-għasafar li jpassu minn fuq Malta.

Il-passa tal-għasafar hija fenomenu li għal eluf ta’ snin serva bħala sors ta’
ispirazzjoni u kurżità. Bħala gżira bejn żewġ kontinenti, Malta hija kruċjali
għax isservi bħala post fejn l-għasafar jieqfu jistrieħu sabiex jerġgħu jieħdu
saħħithom biex ikunu jistgħu jkomplu bil-vjaġġ tagħhom li jeħodhom fuq
distanzi twal.

Sabiex dan l-ispettaklu naturali jitgawda bl-aħjar mod, BirdLife Malta nidiet
il-kampanja #onthemove li matulha se jkunu qed jaqsmu mal-pubbliku
dettalji affaxxinanti dwar il-passa tal-għasafar, u se jkunu qed jintroduċu
wkoll uħud mill-viżitaturi speċjali li wieħed jista’ josserva tul il-passa tal-ħarifa. Il-kampanja #onthemove se tkun qed tiżvolġi fuq il-midja soċjali fost mezzi oħra tal-komunikazzjoni, bl-iskop li jaqsmu informazzjoni dwar kif kulħadd jista’ jgawdi l-passa tal-għasafar f’Malta.

Bidlife tħeġġeġ ukoll lin-nies biex jaqsmu magħhom dettalji dwar l-għasafar li josservaw permezz ta’ formola online li nħolqot apposta għal din il-kampanja u li tinsab fuq https://bit.ly/reportasighting. Element ieħor prinċipali tal-kampanja hija l-opportunità li qed jipprovdu lil residenti
f’Malta li jixtiequ jingħaqdu magħhom bħala voluntieri biex jassistu lil BirdLife Malta fil-ħidma ta’ sorveljanza biex ikun żgurat li l-għasafar tal-passa jgħaddu minn fuq il-Gżejjer Maltin mingħajr periklu fi triqithom lejn il-postijiet fejn se jqattgħu x-xitwa.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal: “Qed infittxu li nħeġġu
lin-nies biex igawdu l-passa waqt li din tkun għaddejja. Din il-kampanja
mhux biss se tqajjem kuxjenza permezz tat-tagħrif li se jingħata imma se
tkun qed tgħinna wkoll nersqu eqreb lejn il-pubbliku sabiex jesperjenza s-sbuħija tal-passa. M’hemmx għalfejn tkun espert fl-għasafar biex tgawdi dan l-ispettaklu. BirdLife Malta dejjem poġġiet il-ħidma fost il-pubbliku fuq
quddiem tal-missjoni tagħha, l-aktar għax nemmnu li min igawdi u jieħu
ħsieb in-natura eventwalment se jagħmel minn kollox biex iħarisha.”

Parti kruċjali ta’ din il-kampanja se tkun is-sejħa lin-nies biex jieħdu azzjoni. Qed nitolbu lill-pubbliku biex jgħidilna x’qed josserva, sew jekk tkun qatgħa ta’ għasafar tal-priża kif ukoll jekk sfortunatament tkun is-sejba ta’ għasfur ferut bil-kaċċa li jkun jinħtieġ l-għajnuna. “Nofs ix-xogħol li tagħmel BirdLife Malta ma jkunx possibbli mingħajr l-għajnuna u l-kollaborazzjoni talpubbliku li jinfurmana b’dak li jkun qed jara hemm barra. Ħafna millgħasafar li nsalvaw, nirriabilitaw u neħilsu lura fin-natura dejjem jinstabu minn membri tal-pubbliku. L-għasafar għandhom bżonn il-pubbliku biex jipproteġihom u aħna nistgħu niggwidaw lin-nies kif jistgħu jagħmlu dan,” spjegat Sarah Brady, Head of Education and Engagement ta’ BirdLife Malta.

Fl-aħħar snin Birdlife rat żieda fil-kaċċa illegali f’Malta u Għawdex, b’din is-sena s’issa diġà hija l-agħar waħda fl-aħħar tmien snin. “Dan jista’ jinstema’
diżappuntanti imma jfisser ukoll li hemm il-ħtieġa li n-nies iqumu għallokkażjoni u jassistu lil dawn l-għasafar. Kemm ilni naħdem fil-qasam talgħasafar feruti qed nara wkoll żieda fil-kuxjenza u l-interess fost il-pubbliku ġenerali. Ninsab fiduċjuż li flimkien nistgħu nagħmlu d-differenza għallgħasafar tal-passa li jgħaddu minn fuq Malta,” ikkonkluda l-Head of
Conservation ta’ BirdLife Malta Nicholas Barbara.

Kulħadd huwa mħeġġeġ biex isegwi l-kampanja #onthemove fuq is-sit
elettroniku ta’ BirdLife Malta u l-mezzi tal-midja soċjali sabiex igawdi bl-aħjar mod l-ispettaklu naturali tal-passa ħalli niżguraw li nagħmlu minn Malta post li jipprovdi kenn lill-għasafar kollha li jinħtieġu l-protezzjoni
tagħna waqt il-vjaġġi perikolużi tagħhom.