Għadhom ma nstabux l-erba’ persuni li kienu involuti fil-qtil ta’ Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski f’Tas-Sliema hekk kif tul il-ġurnata komplew jintensifikaw l-investigazzjonijiet marbuta ma’ dan il-każ, li hu meqjusa bħala kobba mħabbla. Fl-istess jum saru wkoll l-awtopsji fuq iż-żewġ katavri, bir-residenza tinżamm issiġillata bħala xena tar-reat.
Kif żvela dan is-sit, l-esperti li qed jinvestigaw id-delitt doppju ta’ Pandolfino u Maciejowski qed jimxu fuq it-teżi li l-persuni daħlu fir-residenza fi Triq Locker speċifikament biex iwettqu qtil, għal mottiv li għadu mhux definit b’mod eżatt. L-għan ewlieni ma kienx li jisirqu xi affarijiet mid-dar kif ġie rrappurtat minn media oħra.
Net News kien l-ewwel illi żvela li l-vettura li ħarbu biha l-allegati qattiela nsterqet madwar sentejn ilu, waqt li l-pjanċi ta’ reġistrazzjoni nsterqu ftit qabel minn vettura oħra li kienet ipparkjata f’Paceville.
Ħbieb tal-vittmi huma urtati
Il-koppja – Chris Pandolfino ta’ 58 sena u Ivor Maciejowski ta’ 30 sena, Brittaniku ta’ nisel Pollakk – kellhom diversi rabtiet fid-dinja tan-negozju, liema rabtiet qed jiġu investigati mill-Pulizija. L-istess esperti fil-Korp mhux jeskludu li dan seta’ kien każ ta’ vendetta, bl-irġiel li daħlu fir-residenza ta’ Tas-Sliema jkunu hitmen li tqabbdu apposta.
Ħbieb ta’ Chris u Ivo li tkellmu ma’ dan is-sit huma ferm urtati li sezzjoni tal-media qed torbot id-delitt mal-orjentazzjoni sesswali tagħhom.

It-Tlieta, il-ġurnalisti ta’ Net News kienu l-ewwel li waslu fil-post, fejn stajna ninnutaw kommossjoni kbira li ddominat fi Triq Locker fil-minuti ta’ wara l-isparatura. B’uħud mill-ġirien li jgħixu fl-istess triq jinstemgħu jgħidu “sparawlhom, sparawlhom”.
Is-sorsi tagħna qalulna li Ivor Maciejowski instab fis-sular ta’ fuq, wiċċ ‘l fuq f’għadira demm. Il-katavru ta’ Pandolfino instab isfel fin-naħa tal-bieb.
Bħala parti mill-ħidma tagħha, il-Pulizija għadha qed tanalizza diversi oġġetti ta’ valur li kellhom il-koppja. Analizzati wkoll numru ta’ files, dokumenti u apparat elettroniku.
Illum, il-Maġistrat Ian Farrugia kompla jiġbor il-fatti kollha marbuta ma’ dan il-każ bħala parti mill-inkjesta, u fost l-oħrajn sejjaħ il-Qorti numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija.
//= $special ?>