Ekonomija Lokali

Iktar minn 82,000 persuna f’Malta jinsabu f’riskju ta’ faqar

Id-dħul medju għal kull dar jammonta għal €28,505

Skont statistika Ewropea fuq id-dħul u l-kundizzjonijiet tal-ħajja li l-Maltin jgħixu fihom, iktar minn 82,000 persuna f’Malta jinsabu f’riskju ta’ faqar.

Id-dħul medju għal kull dar jammonta għal €28,505.

L-istħarriġ juri li n-numru ta’ persuni li jgħixu fi djar bi dħul ekwivalenti nazzjonali taħt il-linja ta’ riskju ta’ faqar (€9,212) kien ta’ 82.758. Dan jissarraf f’rata ta’ riskju ta’ faqar ta’ 17.1 fil-mija, 0.3 punti perċentwali ogħla minn dik irreġistrata għas-sena ta’ qabel.

3.6% tal-Maltin kienu neqsin minn servizzi bażiċi, żieda ta’ 0.6% fuq is-sena ta’ qabel. Dan filwqt li l-istess statistika qed turi li dawn il-familji ma kellhomx flus biex iqattgħu btala qasira mqar darba fis-sena jew spiża mhux mistennija.

Dan l-istħarriġ tal-UE f’Malta kien mmexxi mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) fost persuni li joqogħdu fi djar privati ​​f’Malta u Għawdex.