Internazzjonali

Il-Belarus jiftaħ każ kriminali kontra l-mexxejja tal-Oppożizzjoni

Il-Kap Prosekutur tal-Belarus fetaħ każ kriminali kontra l-Mexxejja tal-Oppożizzjoni fil-pajjiż, fost akkużi li dawn qed jippruvaw jaħtfu l-poter.

Il-mandat tal-Kap Prosekutur Alexander Konyuk jesiġi li ‘it-twaqqif u l-attività tal-Kunsill ta’ Koordinazzjoni ( tal-Oppożizzjoni) huma intiżi għall-ħtif ta’ poter lill-Istat kif ukoll bħala azzjoni li tmur kontra s-sigurtà nazzjonali’.

Aktar qabel, il-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko, kien ordna biex il-pulizija ‘tikkonkludi’ l-protesti tal-massa li qed isiru kontra tiegħu fil-belt kapitali ta’ Minsk.

Dan meta aktar ċittadini tal-Belarus qed iqumu u jipprotestaw kontra r-rebħa ta’ Lukashenko fl-elezzjoni tad-9 ta’ Awwissu u li għalihom ‘ma tirriflettix riżultat xieraq’.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni tal-Belarus, Svetlana Tikhanovskaya, bħalissa tinsab fil-Litwanja. Kienet l-istess Tikhanovskaya li ħabbret it-twaqqif tal-Kunsill ta’ Koordinazzjoni bil-ħsieb li dan jaċċerta trasferiment ta’ poter fil-Belarus — u meta hi (anki) talbet biex il-Gvernijiet barranin ‘jgħinu fl-organizzazzjoni ta’ djalogu bejn l-Oppożizzjoni u l-awtoritajiet ta’ pajjiżha’.