Lokali Qorti

Il-Qorti se tiddeċiedi dwar il-libertà proviżorja tal-eks sieħeb tal-mara maqtula f’Ħaż-Żabbar

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello se tiddeċidi jekk takkordax il-libertà proviżorja lil Justin Borg, mixli bil-qtil tal-eks sieħba tiegħu Chantelle Chetcuti fi Frar li għadda. Dan wara talba li saret mill-Avukat Franco Debono għan-nom tal-klijent tiegħu.

It-talba saret meta kompliet il-kumpilazzjoni fejn Borg ta’ 33 sena qed jiġi mixli b’ħames akkużi, l-aktar gravi bl-omiċidju ta’ Chantelle Chetcuti ta’ 34 sena u omm ta’ żewġt ibniet ta’ seba’ u tlettax-il sena minn Ħal Safi, liema każ seħħ fit-2 ta’ Frar li għadda fi Triq is-Santwarju għall-ħabta tat-8.00pm. barra l-Każin tal-futbol ta’ Żabbar St.Patrick’s. L-akkużat huwa wkoll missier ulied il-vittma.

L-Avukat Franco Franco Debono fit-talba li għamel għall-ħelsien mill-arrest qal li issa għaddew aktar minn sitt xhur mill-każ u x-xhieda mportanti diġa’ taw id-depożizzjoni tagħhom.

Madankollu l-Ispettur Kurt Zahra qal li l-każ għadu fi stadju bikri u għalhekk oppona għal din it-talba. Ħareġ ukoll li l-Prosekuzzjoni se ttella’ bħala xhieda lill-familjari fosthom omm il-vittma.

Chetcuti kienet mietet, wara 24 siegħa tissielet għal ħajjitha, fejn għamlet ukoll xi ħin mitlufa minn sensiha fuq bankina. Kien xi persuni li daħlu fl-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar jirrapportaw li fuq il-bankina, fi Triq il-Kbira, hemm mara mitlufa minn sensiha, b’daqqiet ta’ sikkina f’rasha.

Fil-kumpilazzjoni xehed uffiċjal tal-Pulizija li ppreżenta filmati tal-kameras tas-sigurtà,  Il-filmati jirrigwardjaw il-jum tal-inċident li ttieħdu bejn is-7.00pm. u l-11.00pm. Ix-xhud qal li l-kontenut tal-filmati li ġie eżebit hemm il-mument fejn Justin Borg deher dieħel il-Kwartieri Ġenerali.

Chantelle nstabet midruba u mitlufa minn sensiha f’għadira demm għall-ħabta tat-8:15 ta’ filgħaxija. Borg ħarab minn fuq il-post, iżda ta ruħu b’idejh fid-Depot tal-Pulizija ftit wara l-omiċidju. Il-Maġistrat Montebello qalet li kienet se tiddeċiedi fuq din it-talba fis-seduta li jmiss li tħalliet għat-Tnejn, 31 ta’ Awwissu.