Lokali

“L-Awtorità tax-Xandir għażlet li tiċċensura lil dawk li jitkellmu għall-pubbliku” – IĠM

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) fi stqarrija nnota li l-Awtorità tax-Xandir, minflok ma tirrikonoxxi u tirrettifika l-iżball li għamlet biex ġiegħel lill-PBS, fil-pożizzjoni ta’ xandar statali, biex jipprovdi materjal ċensurat lill-udjenza tagħha, qed tibqa’ tippersisti li titfa’ it-tort fuq il-ġurnalisti għall-mistoqsijiet tagħhom.

“… l-Awtorità qieset li, filwaqt li l-konferenza stampa tal-Gvern kienet fl-interess nazzjonali, u fiha nnifisha ma kkawżatx żbilanċ, il-kummenti politiċi magħmula rriżultaw minn mistoqsijiet mhux mistennija magħmula mill-ġurnalisti u li ma kellhom l-ebda konnessjoni mal-miżuri li ġew imħabbra fl-istess konferenza stampa. Dan wassal għal żbilanċ fl-imparzjalità dovuta skont l-Art 119 tal-Kostituzzjoni. “

Dwar din id-dikjarazzjoni, l-IĠM nnota li huwa xogħol ta’ ġurnalist li jistaqsi l-mistoqsijiet. Dan huwa dritt fundamentali, magħruf ukoll bħala l-Libertà tal-Espressjoni kompla jgħid l-istitut tal-ġurnalisti filwaqt li fakkar li huwa xogħol il-politiku li jwieġeb biex b’hekk ikun hawn trasparenza u kontabilità.

L-IĠM fakkar lill-Awtorità tax-Xandir, li hija “… korp statutorju indipendenti … li [jimmira] biex jgħin lill-pubbliku Malti jifhem aħjar kif il-valuri u d-diversitajiet tiegħu jsawru l-personalità unika tagħna billi jirregolaw is-servizzi tax-xandir lokali b’mod miftuħ u flessibbli.”

L-istqarrija tal-IĠM temmet tgħid li minflok ma tgħin lill-pubbliku, il-BA għażlet li tiċċensura lil dawk li jitkellmu għall-pubbliku, il-ġurnalisti u x-xogħol tagħhom, biex ma tinħoloqx kontroversja politika. Barra minn hekk, l-IĠM qal li id-deċiżjoni mill-BA tmur kontra l-imparzjalità peress li hija żbilanċjata favur min hu b’saħħtu. Fl-aħħarnett, il-brilja mqiegħda fuq il-PBS hija disservizz gross għad-demokrazija u għan-nies li l-Awtorità tax-Xandir għandha l-intenzjoni li sservi, temmet tgħid l-istqarrija li appellat biex il-BA tiffamiljarizza ruħha mas-Seklu 21.