Lokali

Numru rekord ta’ immigranti li mietu ‘l barra mil-Libja

Mill-inqas 45 immigrant, inkluż ħames t’itfal, mietu f’daqqa fil-baħar ‘il barra mil-Libja f’dak li hu meqjus bħala l-agħar nawfraġju ta’ din is-sena.

Dan qaluh in-Nazzjonijiet Uniti wara l-għarqa li seħħet it-Tnejn li għadda, b’37 immigrant ġew salvati minn sajjieda li kien hemm fil-viċin. Sfortunatament, il-kumplament tal-immigranti ma kellhomx l-istess xorti.

Id-dgħajsa għerqet wara li kien hemm xi ħsara fil-magna u splodiet, b’dawk abbord spiċċaw jiġġieldu għall-ħajjithom fl-ibħra tal-Libja.

Il-maġġoranza tal-immigranti kienu minn Senegal, Mali, Chad u mill-Ghana.

Il-UNHCR u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Imigrazzjoni talbu biex iseħħ xi ħaġa biex dawn it-traġedji ma jibqgħux iseħħu wara li għadd ta’ immigranti jaħarbu mill-pajjiżi fejn hemm il-gwerrer għal tama ta’ ħajja aħjar fl-Ewropa.

B’kollox, din is-sena madwar 302 immigranti ma nstabux wara li ħarbu mil-Libja, filwaqt li l-għaqdiet jemmnu li n-numru huwa ħafna ikbar milli jafu bih.