Internazzjonali

Russja: Suspetti li l-Kap tal-Oppożizzoni, Navalny, spiċċa vvelenat

Alexei Navalny – protagonista ewlieni tal-Oppożizzjoni u kritiku kbir tal-President tar-Russja, Vladimir Putin – qed jinżamm l-isptar, mitluf minn sensih, fost suspetti li spiċċa vvelenat ‘minn persuni li jridu jeliminawh’.

Navalny, li kemm-il darba mexxa l-kampanji kontra l-korruzzjoni istituzzjonalizzata, spiċċa marid waqt li kien fuq ajruplan li, b’konsegwenza ta’ dan, kellu jagħmel inżul ta’ emerġenza f’Omsk waqt titjira mill-belt ta’ Tomsk.

Il-kelliema għal Navalny, wara, esprimew suspetti li ‘xi ħadd kien tefa sustanza’ fit-te li kien qed jixrob il-Kap tal-Oppożizzjoni meta kien fil-kafeterija tal-ajruport ta’ Tomsk. Il-Kremlin ta’ Moska, wara li sama’ bl-aħbar, bagħat messaġġ biex jawgura ‘fejqan ta’ malajr’ lill-Kap tal-Oppożizzjoni Russa.

F’Ġunju li għadda, Navalny, li għandu 44 sena, kien fisser il-vot dwar ir-riformi kostituzzjonali fir-Russja bħala ‘xejn aħjar minn kolp ta’ stat’ u ‘abbuż tal-kostituzzjoni’. Ir-riformi jippermettu biex Vladimir Putin iservi fil-poter għal żewġ termini oħra ladarba jgħaddi t-terminu preżenti.

L-aħħar rapporti kkonfermaw li Navalny kien mitluf minn sensih waqt li xi sorsi infurmati kienu qed jissuspettaw li l-politiku spiċċa jixrob ‘xi ħaġa tossika li kapaċi taħdem malajr fuq is-sistema tal-ġisem’.

Ingħad ukoll li Navalny ‘kien kien qed jinżamm fuq ventilatur wara li spiċċa f’koma’, bl-isptar jispiċċa mimli b’uffiċjali tal-pulizija.

Kira Yarmysh, is-segretarja għall-istampa għall-Fondazzjoni għal Kontra l-Korruzzjoni li waqqaf Navalny fl-2011, bagħtet messaġġ li ‘it-tobba, għall-bidu, kienu lesti biex jiżvelaw kwalunkwe informazzjoni iżda, imbagħad, sostnew li kienu waqgħu lura t-testijiet tossikoloġiċi fir-rigward ta’ Navalny’.

Yarmysh temmen li ‘it-tobba, dak il-ħin, riedu jżommu lura t-tagħrif relatat mal-każ minbarra li dehru li kienu qed jilgħabu għall-ħin’.

Mill-banda l-oħra, tabib ewlieni fl-isptar ta’ Omsk fejn kien qed jinżamm Navalny sostna li ‘ma kienx ċert li l-politiku spiċċa vvelenat’. Hu żied li t-tobba, hemmhekk, ‘ġenwinament kienu qed jagħmlu minn kollox biex isalvawlu ħajtu’.

Alexei Navalny sar magħruf fir-Russja u madwar id-dinja proprju minħabba l-kampanji tiegħu biex jikxef il-korruzzjoni uffiċjali. Hu fisser lill-Partit għal Russja Magħquda ta’ Vladimir Putin bħala ‘entità ta’ ħallelin’, filwaqt li skonta diversi sentenzi ta’ ħabs tul is-snin.

F’każ li s-sitwazzjoni ta’ Navalny tkun ikkonfermata ‘mija-fil-mija’ bħala ivvelenar, l-attenzjoni għandha taqa’ mill-ġdid fuq l-attakki li saru fil-passat fuq il-kritiċi ewlenin ta’ Putin. Il-vittmi tal-attakki jinkludu l-politiku Boris Nemtsov u l-ġurnalista, Anna Politkovskaya, li t-tnejn kienu qalgħu tiri fatali.

Kritiku ewlieni ieħor ta’ Putin kien Alexander Litvinenko, eks-aġent tas-servizzi sigrieti tar-Russja, li kien miet ivvelenat fir-Renju Unit.