Lokali

Sejba ta’ droga wara rapport ta’ storbju f’appartament

Dalgħodu, wara rapport ta’ storbju li sar lill-Pulizija, tliet żgħażagħ inqabdu bid-droga fil-pussess tagħhom.

Kien għall-ħabta tal-4.15am meta l-Pulizija marru quddiem l-appartament fi Triq il-Mensija, San Ġiljan fejn minkejja struzzjoni li ngħatat lill-persuni li kienu fl-appartament biex jinżlu isfel, dawn irriffjutaw. Iż-żgħażagħ għandhom kollha 23 sena u huma Spanjoli.

B’assistenza ta’ xi ġirien, il-Pulizija daħlu fil-binja u meta telgħu fit-tieni sular, daħlu fl-appartament u sabu lit-tliet żgħażagħ.Minn tfittxija li saret fl-appartament instabu sustanzi suspettati droga ecstasy, raża tal-kannabis, u ħaxixa tal-kannabis.

It-tliet Spanjoli kienu arrestati u ittieħdu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija mid-Distrett ta’ San Ġiljan dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.