Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li hedded tfajla bil-mewt wara argument fuq l-Islam

Franċiż ta’ 20 sena, li ismu ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti biex tiġi protetta l-identità tal-vittma, li hija wkoll żagħżugħa Franċiża ta’ 17-il sena, ġie kundannat sena ħabs sospiżi għal tliet snin wara li ammetta li nhar is-Sibt li għadda filgħaxija, hedded liż-żagħżugħa bil-mewt..

L-attakk seħħ wara argument fuq l-Islam fejn il-ħati beda joffendi lit-tfajla li tinsab Malta biex titgħallem il-lingwa Ingliża. It-tfajla hija kontra r-reliġjon Islamiku filwaqt li ż-żagħażugħ huwa Islamiku ferventi.

L-inċident seħħ bejn is-7.00pm. u s-7.30pm. f’lukanda ġewwa Tas-Sliema fejn il-ħati ammetta li kkawża biża li kienet se tintuża vjolenza kontra t-tfajla fejn dan kien ferm agressiv fil-konfront tagħha.

Il-ħati staqsa lit-tfajla għaliex tobgħod daqstant lir-reliġjon li huwa jħaddan u wara battibekki kbar bejn it-tnejn fejn ġew skambjati diskorsi xejn pjaċevoli l-ġlieda skalat. Iż-żagħażugh anke spiċċa jgħid lit-tfajla li kien se jibgħat għal sħabu Islamiċi biex jiġu Malta u joqtluha.

Kienu l-Ispetturi Omar Żammit u Jonathan Ransley li ressqu lill-akkużat fuq theddid quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea. Il-Qorti qieset il-fatt li l-Franċiż ammetta l-akkużi miġjubin kontrih u li kkonferma din l-ammissjoni anke wara li l-Qorti tagħtu żmien jikkonsidra l-pożizzjoni tiegħu fejn spjegatlu l-piena relattiva.

Il-Qorti wara li semgħet it-trattazzjoni dwar il-piena kemm mill-Prosekuzzjoni kif ukoll mill-Avukat Joe Brincat, li deher għall-akkużat, ikkunsidrat il-fatt li huwa ammetta l-akkużi kollha.

Il-Qorti, ħadet in konsiderazzjoni wkoll in-natura tar-reati , l-kondotta tiegħu, il-koperazzjoni minn naħa tiegħu mal-Pulizija u l-fatt li mal-ewwel okkażjoni ammetta l-ħtija tiegħu.

Għalhekk il-Qorti waslet għall-piena lejn il-minimu. Għal dawn il-motivi, il-Qorti, ikkundannat lill-imputat għall-piena ta’ sena  priġunerija li ġiet sospiża għal żmien tliet snin.

Il-Qorti spjegat fi kliem ċar dwar il-konsegwenzi jekk huwa jikkommetti reat ieħor fi żmien tliet tliet snin. Inħarġet ukoll Ordni ta’ Protezzjoni favur il-vittma għal perjodu ta’ tliet  snin u  dan bil-kundizzjonijiet li ma jkellimx bl-ebda mod lit-tfajla b’kull mezz, inkluż bil-meżżi soċjali u li ma jersaqx lejha.