Lokali

Sorsi mid-Depot jindikaw li “ma kinitx sempliċi serqa”

Wara aktar minn 24 siegħa, ħadd għadu ma ġie arrestat

Meqjusa bħala kobba mħabbla għall-investigaturi l-isparatura tat-Tlieta bil-lejl illi ħasdet il-ħajja tat-tabib Chris Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski. Dan hekk kif il-Pulizija għadhom iridu jistabbilixu eżatt x’seħħ fil-ħin meta daħlu tliet persuni fir-residenza f’Tigne’ fejn kienet tgħix din il-koppja; erba’ minuti li kienu fatali.

Fil-ħin meta l-aggressuri daħlu fil-binja li tinsab fi Triq Locker f’Tas-Sliema, fuq ġewwa kien hemm Pandolfino u Maciejowski. Pandolfino kien għadu kif daħal lura d-dar.

Kien għall-ħabta tal-10:23pm meta t-tliet irġiel dehru jaħarbu mill-post b’veloċita’ kbira permezz ta’ vettura ta’ lewn abjad, li għadha ma ġietx lokalizzata. Possibbilment, kien hemm involut ukoll ir-raba’ persuna.

Il-Pulizija qed tkompli bit-tfittxijiet għall-aggressuri u sa issa ħadd għadu ma ġie arrestat b’konnsejoni ma’ dan id-delitt doppju. Huma qed jappellaw lill-pubbliku sabiex kull min jista’ jkollu xi informazzjoni marbuta ma’ dan il-każ jgħaddiha lill-Pulizija anke b’mod kunfidenzjali. Dan filwaqt li qed jiġu analizzati diversi cameras tas-sigurta’ li hemm fiz-zona, inkluż tul ix-xatt ta’ Qui-si-sana, in-naħa tan-Nazzarenu u l-Gżira.

Sorsi mid-Depot ikkonfermaw li għall-Pulizija “din ma kinitx sempliċi serqa, iżda aktar minn hekk”. U anke jekk possibbilment setgħu ittieħdu xi oġġetti ta’ valur, dan seta’ seħħ biss biex l-irġiel li daħlu jipprovaw, bi strateġija ċara, jiddevjaw il-mottiv veru tal-intrużjoni.

L-aggressuri kienu jafu sew il-post

L-istess sorsi ikkonfermawlna li l-investigaturi qed jimxu fuq it-tezi li t-tliet irġiel kienu jafu sew lil Pandolfino u Maciejowski, u possibbilment kellhom konoxxenza anke tal-binja innifisha minn ġewwa. Id-dar hi residenza tas-Seklu 20, u hi waħda mill-isbaħ li għad fadal fl-akwati.

Net News għandu nformazzjoni li fuq ġewwa tad-dar, il-koppja kellhom diversi oġġetti ta’ valur li lanqas biss tmissu. Anke l-fatt li l-irġiel damu biss erba’ minuti qed ikompli jqajjem suspetti addizzjonali.

Qraba u ħbieb tat-tabib Pandolfino illi tkellmu ma’ In-Nazzjon esprimew ir-rabja tagħhom għall-fatt li huma tilfu raġel ġenwin. Bil-ħbieb ta’ Chris Pandolfino jiddeskrivuh bħala “persuna ta’ qalb kbira u ferriehi”.

Intant, l-awtopsja fuq il-katavri se ssir illum minħabba li l-ewwel kellhom isiru t-testijiet tal-Covid fuq Pandolfino u Maciejowski – xi ħaġa li hi dan iż-żmien hi proċedurali.

Din l-awtopsja se tkun kruċjali biex titfa’ dawl fuq dak li seħħ eżatt fil-lejl tat-Tlieta, u kemm kien b’mod preċiż it-tiri li qatlu liż-żewġ vittmi. Il-viċinanza tat-tiri u l-post fejn intlaqtu l-vittmi ukoll jagħtu stampa aħjar lill-investigaturi fuq kif seħħew il-fatti.

Il-Magistrat tal-Ghassa Ian Farrugia qed imexxi inkjesta marbuta ma’ dan il-kaz, bl-assistenza tal-uffiċjali mid-Distrett ta’ Tas-Sliema.

Min huma ż-żewġ vittmi?

Ivor Maciejowski hu isem assoċjat mal-kollezzjonijiet tal-arti moderna, inkluż pitturi. Fuq il-profil tiegħu ta’ Instagram wieħed isib numru ta’ ritratti ta’ Maciejowski jippoża ma’ opri tal-arti. Jirriżulta li dawn huma pitturi ta’ ċertu preġju.

Anke Chris Pandolfino hu persuna li kien dilettant sew tal-arti. Pandolfino kien tabib li snin ilu dahal jahdem fil-qasam tas-servizzi finanzjarji f’Londra  sakemm imbagħad ġie lura pajjiżna madwar 15-il sena ilu. Isem Chris Pandolfino kien reġa’ feġġ dan l-aħħar meta kien issemma’ fil-famużi Paradise Papers, bħal wieħed mis-sidien tal-kumpanija Art Decor Properties and Interiors.

Diversi Slimiżi semmew l-immaġini ta’ Chris Pandolfino bħala persuni li dejjem kien jidher liebes ammont kbir ta’ ġiżirani tad-deheb, li kien qisu t-timbru personali li jiddefinixxih. Maciejowski wkoll kien persuna li jħobb id-deheb.

Nies li tkellmu magħna qalulna li fil-garaxx tar-residenza ukoll kienu jinżammu ammont ta’ pitturi. Dawn ma ntmessux mill-aggressuri.

Pandolfino u Maciejowski kienu jmexxu gym fl-istess zona, bil-ġirien jiddeskrivuhom bħala nies “kwiet u tal-affari tagħhom”.

Fost dawk li esprimew id-dieqa tagħhom għal dan id-delitt doppju kien hemm anke l-Malta Pride li permezz ta’ messaġġ fuq Facebook sellmu l-memorja ta’ Pandolfino u Maciejowski. Fil-messaġġ jintqal illi kollox jindika li dan ma kienx reat omofobiku, u jkun sensibbli li wieħed jistenna qabel isiru konklużjonijiet mgħaġġla.

Il-fjur li tpoġġew barra d-dar fejn seħħ id-delitt doppju