Internazzjonali

Stati Uniti: Obama jikkritika lil Trump dwar tmexxija ‘li saret tixbah reality show’

L-eks President Demokratiku tal-Istati Uniti, Barack Obama, akkuża lill-President Amerikan attwali, Donald Trump, b’li qed jitratta r-rwol ta’ President bħala ‘reality show’ (spettaklu li jiżvolġi minn mument għall-ieħor). Dan waqt diskors li l-istess Obama kien qed jagħmel waqt il-Konvenzjoni tal-Partit Demokratiku fil-belt ta’ Philadelphia.

Obama, li kien il-President Amerikan qabel Trump, qal li ‘Donald Trump ma rawwimx ir-rwol Presidenzjali li daħal għalih għaliex mgħandux din il-kapaċità’.

Intant, il-President Trump ma damx biex jattakka lil Obama u fejn, permezz ta’ messaġġ mill-White House, tenna li ‘hu (Trump) kien spiċċa elett minħabba s-sitwazzjoni ta’ orrur li Barack Obama kien ħalla għall-Amerikani’.

Il-battuti drammatiċi seħħew fit-tielet lejla tal-Konferenza għad-Demokratiċi, b’Kamala Harris taċċetta n-nomina biex tikkuntesta għall-Viċi-Presidenza Amerikana bħala r-running mate ta’ Joe Biden – li f’Novembru se jisfida lil Trump għar-rwol ta’ President.

Bħalissa għaddejjin it-tħejjijiet għas-Serata Finali tal-Konvenzjoni tad-Demokratiċi ( maqsuma fuq erbat iljieli) li se tikkonkludi b’diskors mingħand Joe Biden.

Intant, it-theddida tal-Covid-19 tfisser li l-konvenzjoni ma tistax tibbaża fuq il-programmi tas-soltu, bl-inklużjoni tal-partitarji, u minflok ħadet il-forma ta’ avveniment ‘virtwali’ fejn spikkaw id-diskorsi ‘live’ jew rekordjati minn qabel.

Meta tkellem fil-Museum of the American Revolution ( f’Philadelphia) Obama akkuża lil Trump talli ma prova qatt isib it-triq ta’ rikonċiljazzjoni mal-avversarji jew javviċina lill-persuni u gruppi li jistgħu ma jaqblux miegħu.

Akkuża oħra kienet li ‘Trump uża l-poter kbir li għandu biex jgħin lilu nnifsu u l-membri taċ-ċirku ta’ ġewwa biss’– b’Obama, hawnhekk, jisħaq li ‘Trump ħsiebu biss biex jibdel il-Presidenza f’reality show biex jisraq l-attenzjoni kollha’.

Għal Obama, l-Istati Uniti, taħt it-tmexxija ta’ Trump, ‘tilfet ħafna mir-reputazzjoni tajba li kienet tgawdi madwar id-dinja, bl-istituzzjonijiet demokratiċi tal-Amerikani jispiċċaw mhedda bħal qatt qabel’.

Filwaqt li l-eks Presidenti tal-Istati Uniti, is-soltu, jibqgħu lura milli jikkritikaw lill-Mexxejja Amerikani, Barack Obama kien wissa, erba’ snin ilu meta kien għadu President, li kellu jqis l-elezzjoni ta’ Trump bħala ‘insult personali’. Dan meta Trump, dak iż-żmien, kien il-kandidat tal-Partit Repubblikan u eks protagonista tal-programm televiżiv (reality show) The Apprentice.

Sadanittant, Donald Trump, fl-aħħar sigħat, ma żammx lura milli jikkundanna lil Obama ‘għal diversi deċiżjonijiet politiċi stupidi li saru waqt il-Presidenza tiegħu’. Hu kompla li ‘Obama kien President ineffettiv u terribbli, tant li r-rekord tiegħu fit-tmexxija tal-Istati Uniti wittiet it-triq għar-rebħa tar-Repubblikani fl-elezzjoni presidenzjali tal-2016.’

Waqt l-aħħar fażi tal-konvenzjoni ta’ Philadelphia kien hemm ukoll l-intervent ta’ Hillary Clinton, li fl-2016 ikkuntestat għall-Presidenza Amerikana kontra Trump, għan-nom tad-Demokratiċi.

Clinton – li kienet qed titkellem mid-dar tagħha f’Chappaquiddick, fi New York —  lanqas ma żammet lura milli tattakka lil Trump, fejn sostniet li ‘sfortunatament ma kenitx irrealizzata x-xewqa tal-Amerikani li jkollhom President tajjeb u kapaċi’.

L-eks First Lady tal-Istati Uniti qalet li għal dawn l-aħħar erba’ snin, ħafna nies li vvutaw lil Trump avviċinawha u qalulha li ‘jixtiequ li jistgħu jdawwru l-arloġġ lura għaliex qatt ma kienu jafu kemm (Trump) hu bniedem perikoluż’.

Għaldaqstant hi ħeġġet biex l-Amerikani, din id-darba, ‘jivvutaw fuq il-bażi li ħajjithom u daqstant ieħor l-għajxien tagħhom jiddependu mid-deċiżjoni li jieħdu – għaliex din hi r-realtà’.

Il-President Donald Trump mistenni jaċċetta n-nomina biex jikkuntesta mill-ġdid għall-White House f’isem il-Partit Repubblikan waqt il-konvenzjoni tal-partit tiegħu li għandha ssir il-ġimgħa d-dieħla.