Lokali Saħħa

Andrew Zammit jissieħeb ma’ Hospice Malta

Tissaħħaħ ir-relazzjoni tal-Hospice mal-pazjenti

Hospice Malta ħabbret li Andrew Zammit ser ikun qed jokkupa fi ħdanha l-pożizzjoni ta’ Chief Relations Officer. Dan, “sabiex tissaħħaħ ir-relazzjoni tal-Hospice ma’ pazjenti, imsieħba u impjegati.”

Hospice spjegat li l-ħidma ta’ Zammit ser tkun qed issostni pjanijiet ta’ tkabbir fil-ġejjieni kif ukoll ser ikun qiegħed jagħti prijorità lill-inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi li ser ikunu qed iwasslu għall-ftuħ ta’ St. Michael Hospice – kumpless ġdid ta’ kura paljattiva b’servizzi b’xejn għall-pazjenti u l-familji tagħhom.

Andrew Zammit saħaq li huwa ta’ unur għalih li ngħata din l-opportunità fi żmien daqshekk importanti u li b’responsabbilità kbira ser ikun qiegħed jgħin lill-Hospice sabiex jilħaq kapitlu ġdid fl-istorja tagħha.

Zammit huwa magħruf għall-ħidma formidabbli tiegħu fi ħdan l-istazzjon tar-radju 89.7BAY bħala General Manager kif ukoll f’karigi oħra fi ħdan l-Eden Leisure Group.

Imwaqqfa fl-1989, l-irwol ewlieni ta’ Hospice Malta huwa li jipprovdi u jippromwovi servizzi ta’ kura paljattiva lil pazjenti li jbatu mill-kanċer, motor neuron disease, mard tal-qalb, respiratorju, tal-kliewi u tal-fwied. Hospice Malta hija NGO reġistrata mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.

It-tim multi-dixxiplinarju tagħhom ta’ professjonisti u voluntiera jipprovdu kura ħolistika, bla ħlas, lil madwar 1,300 pazjent kull sena.

L-NGO qed tippjana li tespandi s-servizzi tagħha fl-ewwel kumpless f’Malta ddedikat għall-kura palljattiva. St Michael Hospice f’Sta Venera se tippermetti l-espansjoni tas-servizzi preżenti ta’ Hospice Malta kif ukoll servizzi ġodda inkluż it-twaqqif ta’ inpatient unit.

. Għal aktar informazzjoni żur hawn.