Lokali

“Attakk ieħor kontra l-ġurnaliżmu ħieles” – PN

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib serju tiegħu fuq id-deċiżjoni min-naħa tal-Gvern Laburista li jneħħi minn fuq l-iskeda tal-istazzjon pubbliku nazzjonali l-aktar programm segwit u popolari ta’ diskussjoni fil-pajjiż – il-programm Xarabank.

Fi stqarrija l-Membru Parlamentari Therese Commodini Cachia sa]qet li l-Partit Nazzjonalista iqis din id-deċiżjoni bħala attakk ieħor kontra l-ġuraliżmu ħieles u għalhekk kontra l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-media. 

Kull min għandu l-iċken rispett lejn il-ġurnaliżmu ħieles u lejn kif taħdem il-media f’soċjetà demokratika, jifhem li din il-libertà tinkludi d-dritt li tkun kontroversjali u fejn hemm bżonn anki xokkanti, għax inkella l-Gvern ikun qed iċaħħad lill-poplu milli jkollu forum ta’ diskussjoni  ħielsa u mingħajr ebda ċensura.

Dak li qed jiġri fix-xandir pubbliku bħalissa jfisser li pajjiżna qed jerġa’ jiffaċċja l-periklu reali li dan ix-xandir flok iservi lill-poplu kollu jsir strument ta’ propaganda partiġġjana favur l-istat, fejn l-indħil politiku jiddetta x’naraw u x’nisimgħu.  Diġà qed naraw konferenzi stampa bla limitu mill-politiċi fil-Gvern, il-ħatra ta’ Head of News ġdida għall-istazzjon pubbliku minn barra l-istess stazzjon, iċ-ċensura tax-xandir dirett tal-mistoqsijiet tal-ġurnalisti f’konferenzi tal-aħbarijiet, u issa t-tneħħija tal-aktar programm popolari u segwit f’pajjiżna għal 23 sena bla waqfien.

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu ma’ Peppi Azzopardi, mat-tim kollu ta’ impjegati li jaħdmu bla heda biex jikkordinaw programm bħal Xarabank permezz tal-media house:  Where’s Everybody, u mal-eluf ta’ Maltin li kienu regolarment isegwu dan il-programm jaqblu jew ma jaqblux mal-kontenut ta’ kull programm.

Fl-aħħar mill-aħħar huwa d-dritt tal-espressjoni tal-poplu kollu li qed ikun imċaħħad għaliex id-dritt tal-espressjoni jinkludi dejjem id-dritt  ta’ kull wieħed u waħda minnha li nirċievu informazzjoni u opinjonijiet differenti mingħajr indħil tal-istat.

Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja wkoll lil Peppi Azzopardi għall-ħidma filantropika bla waqfien min-naħa tiegħu, u għall-impenn tiegħu favur ix-xandir ħieles, il-valuri umani, u l-libertà tal-ħsieb. Jawguralu li jibqa’ sod f’dan l-impenn tiegħu aktar minn qatt qabel.