Internazzjonali

Belarus: Imħeġġa aktar protesti ‘minkejja l-intimidazzjoni’

Il-Kap tal-Oppożizzjoni tal-Belarus, Svetlana Tikhanovskaya, ħeġġet biex is-sostenituri tagħha jinsistu għall-għaqda filwaqt li jżidu l-azzjonijiet ta’ protesta minkejja ‘il-politika ta’ intimidazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet lokali’.

Filwaqt li l-prosekuturi f’Minsk qegħdin jinterrogaw lill-alleati tagħha, Tikhanovskaya – f’indirizz bil-video mil-Litwanja ( fejn hi qed tgħix f’eżilju) – enfasizzat il-ħtieġa li ‘il-poplu fil-Belarus ikompli bl-istrajks u jkabbarhom’.

Hi kompliet li ‘in-nies ma jridux jispiċċaw intimidati’ u li l-elezzjoni tad-9 ta’ Awwissu fil-Belarus kienet ‘misruqa’ mill-President Alexander Lukashenko – magħruf bħala l-‘aħħar dittatur tal-Belarus’ u li ilu jmexxi pajjiżu mill-1994.

Ħafna ħaddiema fil-Belarus ilhom il-jiem fuq strajk waqt li ma naqsux l-akkużi li Lukashenko rebaħ l-elezzjoni ‘permezz ta’ sistema qarrieqa li permettiet il-frodi favur tiegħu’.  Madankollu, Lukashenko mhu qed juri l-ebda sinjal li se jċedi, fost rapporti li ħaddiema mal-intrapriżi tal-Istat qed jiffaċċjaw ‘pressjoni kbira’ biex ma jieħdux sehem huma wkoll fl-azzjonijiet ta’ protesta.

Dan ukoll meta l-poplu fil-Belarus jinsab irrabjat ħafna għall-aġir brutali tal-pulizija fil-konfront tal-attivisti favur l-Oppożizzjoni f’Minsk u bliet oħra tal-pajjiż.