Lokali

COVID-19 : 36 każ ġdid pożittiv; ifiqu 52

Fl-aħħar 24 siegħa, ġew rreġistrati 36 każ ġdid fost 2,445 swab li saru filwaqt li fiequ 52 persuna. It-total ta’ każi f’pajjiżna attivi huwa ta’ 743.

S’issa t-total ta’ każi f’pajjiżna huwa ta’ 1,651; bi 898 persuna tfieq bil-virus. Sfortunatament, s’issa kien hemm 10 vittma ta’ dan il-virus.

Fl-Isptar Mater Dei bħalissa qed jiġu rikoverati 10 persuni – 4 minnhom fl-Infectious Disease Unit, 3 persuni f’wards oħra kif ukoll 3 persuni fl-ITU fuq ventilator.

Fl-Isptar St Thomas hemm total ta’ 12-il pazjent filwaqt li 17-il pazjent qed jieħdu il-kura fl-Isptar Boffa.

Waqt il-bulettin mediku, s-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci tkelmet kif matul l-aħħar ġimgħa żdiedu – 22 każ minn Monte Carmeli, 10 minn djar tal-anzjani, 14 minn postijiet tax-xogħol, kif ukoll 54 każ ta’ persuni li diġa kellhom membru tal-familja pożittiv.

L-eta’ medja tan-nies li żviluppalhom il-virus matul l-aħħar ġimgħa hija dik ta’ 38. Dan filwaqt li bħalissa nsibu aktar rġiel milli nisa li huma pożittivi għal dan il-virus.

Hija tkelmet kif mill-lejla, persuni li ġejjin Malta minn pajjiżi b’riskju għoli, iridu jġibu magħhom riżultat negattiv tal-Covid-19 li sar mhux aktar minn 72 siegħa qabel waslu f’pajjiżna.

Dawk kollha li jiżviluppaw xi sintomi għandhom jibqgħu fi djarhom u jċemplu 111 sabiex isirilhom appuntament għal swab test.

Net News qed jagħti stampa sħiħa tas-sitwazzjoni preżenti, inkluż l-immigranti rregolari.