Lokali

ESKLUSSIVA: Ivor inqatel b’tir f’wiccu; 3 tiri qatlu lil Pandolfino

Dettalji xokkanti mill-awtopsja li saret ilbieraħ fuq iż-żewġ vittmi tad-delitt doppju ta' Qui-si-sana

Konfermat li ma kien hemm ebda taqlib fid-dar. Ebda deheb ma nsteraq.

Il-Brittaniku ta’ nisel Pollakk, Ivor Maciejowski nqatel b’tir wiehed f’wiċċu.

Il-katavru ta’ Chris Pandolfino li instab fis-sular t’isfel kellu tliet tiri ta’ pistola u mhux eskluż li qabel inqatel, issielet mal-aggressuri li daħlu fid-dar.

Dan għaliex apparti t-tiri fatali, kien hemm mill-inqas żewġ tiri oħra.

Il-karozza li użaw l-irġiel li daħlu fir-residenza tal-koppja għadha ma nstabitx.

Huma dawn l-aħħar żviluppi relatati mal-każ xokkanti tad-delitt doppju li seħħ f’Tas-Sliema t-Tlieta bil-lejl, ftit tal-ħin biss wara li Pandolfino kien għadu kif irritorna d-dar wara ikla ma’ membri tal-familja tiegħu.

Sa issa, għadhom ma nstabux l-erba’ persuni li kienu involuti fil-qtil ta’ Pandolfino u Maciejowski hekk kif tul il-ġurnata komplew jintensifikaw l-investigazzjonijiet marbuta ma’ dan il-każ, li hu meqjusa bħala kobba mħabbla.

Kif żvela Net News l-esperti li qed jinvestigaw id-delitt doppju ta’ Pandolfino u Maciejowski qed jimxu fuq it-teżi li l-persuni li daħlu fir-residenza fi Triq Locker, għamlu dan l-att speċifikament biex iwettqu qtil. L-għan ewlieni ma kienx li jisirqu xi affarijiet mid-dar kif ġie rrappurtat b’mod żbaljat.

Il-koppja – Chris Pandolfino ta’ 58 sena u Ivor Maciejowski ta’ 30 sena – kellhom diversi rabtiet fid-dinja tan-negozju, liema rabtiet qed jiġu investigati mill-Pulizija.

L-istess esperti fil-Korp mhux jeskludu li dan seta’ kien każ ta’ vendetta, bl-irġiel li daħlu fir-residenza ta’ Tas-Sliema jkunu hitmen li tqabbdu apposta.

Sorsi oħra qed jippuntaw lejn investigazzjoni pendenti li kienet għaddejja minn naha tal-FIAU.

Kien x’kien il-mottiv, dan id-delitt doppju bla dubju li ħasad lil dawk kollha li kienu jafu lill-koppja. Għalkemm ix-xokk inizjali, issa qed jinbidel f’rabja; bil-familja titlob għall-ġustizzja.