Internazzjonali

Il-kriżi fil-Libja: L-awtoritajiet rivali jħabbru waqfien mill-ġlied

L-awtoritajiet rivali fil-Libja ħabbru li qegħdin jieqfu mill-ġlied immedjatament wara xhur ta’ konflitt konsekuttivi.

Il-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali, li hu bbażat fi Tripli u li hu rikonoxxut min-Nazzjonijiet Uniti, ikkonferma dan l-iżvilupp importanti permezz ta’ stqarrija li sejħet ukoll biex isiru l-elezzjonijiet fil-Libja f’Marzu li ġej.

Il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied għandu wkoll il-konferma ta’ alleat tal-Ġeneral Khalifa Haftar, li jmexxi lill-Armata Nazzjonali Libjana u li qed jikkontrolla medda ta’ territorju lejn il-lvant u n-nofsinar tal-Libja.

Il-Libja ilha mifnija bi vjolenza mindu l-Kurunell – u eksdittatur – Muammar Gaddafi, kien twarrab mill-poter mill-qawwiet appoġġjati min-NATO u l-gruppi tal-Libjani li qamu kontra tiegħu u qatluh, f’Sirte, fl-2011.

Dan meta l-Libja hi anki zona kruċjali għall-movimenti tal-immigranti mill-Afrika lejn l-Ewropa.

Fl-aħħar sigħat, il-Prim Ministru tal-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali, Fazyez al-Sarraj, ħareġ struzzjonijiet ‘biex il-qawwiet militari kollha tiegħu jieqfu mal-ewwel mill-ġlied u l-kumbattimenti fi kwalunkwe zona fil-Libja’.

Ma kien hemm l-ebda kumment dirett mingħand il-Ġeneral Haftar, iżda l-alleat tiegħu, Aguila Saleh — li hu l-Ispeaker tal-Parlament fil-Lvant ta’ Tripli (ir-rivali dirett tal-Gvern fi Tripli) —  ukoll ħabbar il-waqfien mill-ġlied.

L-aħbar intlaqgħet tajjeb min-Nazzjonijiet Uniti u mill-President tal-Eġittu,  Abdul Fattah al-Sisi – meta aktar kmieni fis-sajf, il-qawwiet ta’ Sarraj ħadu kontroll sħiħ fi Tripli; bil-Ġeneral Haftar jirtira lit-truppi tiegħu mis-subborgi tal-kapitali wara assedju fuq il-belt li kienet ilha minn April tal-2019.

In-naħat avversarji fil-konflitt ċivili tal-Libja għandhom appoġġ minn barra l-pajjiż – bl-Italja, it-Turkija u l-Qatar ikunu fost il-pajjiżi sostenituri tal-Gvern ta’ Sarraj waqt li l-Eġittu, ir-Russja u l-Emirati Għarab Magħquda huma alleati ta’ Haftar.

Għalkemm ftit kien hemm azzjonijiet militari fil-Libja minn Ġunju ‘il hawn, l-aħħar dikjarazzjoni għal waqfien mill-ġlied – li tidher bħala pass koordinat mill-entitajiet politiċi rivali f’dan il-pajjiż – qed twitti t-triq għal fażi ġdida fil-kriżi Libjana.

Dan fost qawmien ta’ tama ġdida għall-poplu Libjan li ilu jbati l-effetti tal-ħafna konflitti fil-Libja għal kważi għaxar snin.