NET News irċieva numru ta’ ilmenti mingħand studenti dwar il-fatt li l-MATSEC mhux se tħallihom ipoġġu għall-eżamijiet f’Diċembru peress li dawn ma jistgħux jattendu għas-sessjoni ta’ Settembru minħabba li jinsabu fi kwarantina obbligati.
Fost dawk li jinsabu fi kwarantina, hemm ta’ dawk l-istudenti li sfortunatament huma pożittivi għall-Coronavirus, bil-MATSEC toffrilhom biss li jpoġġu għal dawn l-eżamijiet f’Mejju.
Fost il-każijiet ġenwini li l-MATSEC qed tirrifjuta kompletament li tikkunsidra li tippermettilhom li jagħmlu l-eżami f’Diċembru huma ta’ dawk li applikaw għall-eżamijiet tagħhom li jsiru f’Settembru minflok f’Mejju li għadda.
L-istudenti li kelmuna ħassewhom urtati li ġew ittratati b’mod inġust hekk kif wara tant xhur ta’ tertieq il-qalb mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-awtoritajiet konċernati, se jitħallew imdendla għal kważi sena oħra.
Fl-aħħar mill-aħħar, ix-xewqa tagħhom hija li jagħmlu l-eżamijiet li ilhom tant jippreparaw għalihom f’dawn l-aħħar xhur, anki jekk dawn saħansitra jsiru fuq għodda elettroniċi online kif diġà sar fl-Università ta’ Malta, li fi ħdanha taqa’ l-MATSEC, fl-eżamijiet ta’ Ġunju u Lulju li għadda.
//= $special ?>