Sport Sport Ieħor

Il-MHA bi tmexxija ġdida għall-erba’ snin li ġejjin

Il-Malta Handball Association fl-aħħar laqgħa tal-istaġun, appuntat tmexxija ġdida għall-erba’ snin li ġejjin. F’din il-laqgħa taħt il-gwida tal-President il-ġdid tal-assoċjazzjoni Paul Zammit ġie preżentat u approvat l-bord tat-tmexxija l-ġdid. F’mumenti fejn qed ngħixu f’era moderna u fi żminijiet ta’ sfida, l-amministrazzjoni l-ġdida kella temenda u twettaq titjib fil-mod ta’ kif topera biex ikompli jikber l-isport tal-handball f’pajjiżna.

Kienet ukoll preżentata l-emblema l-ġdida tal-assoċjazzjoni. L-għan tal-MHA huwa li fi żmien li ġej ssir waħda mit-tliet assoċjazzjonijiet ewlenin f’pajjiżna u għalhekk huwa importanti li jkollha struttura ta’ tmexxija b’saħħita li tkun kapaċi tlaħħaq mal-kompetizzjonijiet u l-klabbs rispettivi.

L-assoċjazzjoni se tkun qed tinvesti fiżmien li ġej fi programme biex itejjeb l-iżvilupp taż-żagħżagħ f’dan l-isport. Il-President Paul Zammit qal li l-handball f’pajjiżna, għandu l-potenzjal li jkompli jikber u ammetta li l-assoċjazzjoni trid tippromovi aktar dan l-isport. Dwar il-pandemija tal-coronavirus, l-MHA qalet li qed ssegwi fid-dettal is-sitwazzjoni u bħalissa qed issegwi id-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa u ta’ SportMalta.