Knisja Lokali

Il-PN jifraħ mal-Għawdxin li qed jilqgħu l-Isqof il-ġdid Mons. Anton Teuma

Fil-jum tal-konsagrazzjoni episkopali tal-Isqof il-ġdid tad-Djoċesi ta’ Għawdex, Mons. Anton Teuma, l-Partit Nazzjonalista jingħaqad mal-poplu Għawdxi u jifraħ miegħu għal dan l-avveniment. Il-Partit Nazzjonalista jibgħat ukoll l-awgurju tiegħu lil Mons. Teuma għal dan il-pass importanti f’ħajtu, li bla dubju se jissarraf f’ħafna ħidma fejjieda għall-Knisja Kattolika f’Għawdex u għall-gżira Għawdxija b’mod ġenerali.

Fi stqarrija ffirmata mill-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari David Agius, u l-membri parlamentari Frederick Azzopardi, Chris Said u Kevin Cutajar intqal li l-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed iħares ‘il quddiem biex jaħdem mill-qrib mal-Isqof Teuma u mad-Djoċesi Għawdxija, eżattament bħalma dejjem ġara mal-predeċessuri ta’ Mons. Teuma.

Fl-aħħar u mhux l-inqas, il-Partit Nazzjonalista jieħu din l-okkażjoni biex jirringrazzja lil Mons. Mario Grech tal-ħidma kollha tiegħu, issa li se jkun qed itemm il-mixja tiegħu bħala Isqof ta’ Għawdex u jawguralu għall-impenji l-ġodda li se jkun qed jieħu fi ħdan il-Knisja Kattolika ‘l barra minn xtutna.