Jekk il-Gvern ikompli jinsisti li jiftaħ l-Iskejjel, il-Ministru tal-Edukazzjoni u s-Segretarju Permanenti għandhom jinżammu personalment responsabbli f’każ li jitfaċċa mqar każ wieħed ta’ Coronavirus fost it-tfal u l-Edukaturi.
Hekk sostna l-Kap Eżekuttiv tal-UPE Voice of the Workers Graham Sansone f’konferenza tal-aħbarijiet, li matulha ħabbar li l-Union lesta ssejjaħ azzjonijiet industrijali għall-membri tagħha jekk il-Gvern ikompli jwebbes rasu.
Akkumpanjat mid-Direttur Eżekuttiv tal-Union Rebecca Cachia, Graham Sansone spjega li d-deċiżjoni tal-UPE mhix tittieħed b’kappriċċ, iżda wara li l-Ministeru mmexxi minn Owen Bonnici għażel li jinjora s-suġġerimenti tal-Union.
Qal li, fost l-oħrajn, il-UPE Voice of the Workers ma kinitx mistiedna tipparteċipa fil-Working Group li nieda l-Gvern. Dan wassal biex sa riċentament, il-Union ma tħossx li hi sodisfatta bid-deċiżjonijiet meħuda mill-Ministeru.
Il-Kap Eżekuttiv tal-UPE qal li l-Union segwiet it-tħassib tal-Edukaturi, daqskemm tal-ġenituri u ta’ wliedhom. Dan anke wara stħarriġ li sar fost ftit anqas minn 1,300 Edukatur.
Fil-fatt, 87 fil-mija tal-Edukaturi qalu li ma jixtiequx jirritornaw fil-klassijiet tal-iskejjel u fil-preżenza tal-istudenti, ladarba s-sitwazzjoni baqgħet ma tjibietx. Min-naħa l-oħra, 86 fil-mija tal-Edukaturi mistoqsija qalu li, bħala ġenituri, huma stess mhux lesti jibgħatu lil uliedhom fit-28 ta’ Settemrbu … meta suppost jinfetħu mill-ġdid l-Iskejjel.
Fl-istħarriġ irriżulta woll li 82 fil-mija tal-Edukaturi ma jixtiequx li l-istudenti jkunu fiżikament preżenti fil-klassi. U 92 fil-mija qalu li s’issa għadhom mhux jafdaw il-protokolli tas-saħħa li daħħal il-Gvern fis-seħħ.
Hu għalhekk li l-Union qed tissuġġerixxi li l-Edukaturi jmexxu s-sessjoni ta’ tagħlim mill-klassijiet rispettivi, fosthom dawk vulnerabbli jew fi ħtiġiet partikolari, filwaqt li l-istudenti jsegwu mid-dar. Dan jista’ jsir wara li jingħataw taħriġ u laptops adegwati, kif ukoll b’sistema aħjar ta’ tqassim ta’ noti lill-istudenti.
Il-UPE Voice of the Workers esprimiet id-diżpjaċir li s-sitwazzjoni eskalat minħabba traskuraġni fid-deċiżjonijiet li wasslu għat-tieni mewġa tal-Coronavirus. Għax il-Union tħoss li mhux aċċettabbli li l-Iskola tinfetaħ u tingħalaq bis-sulluzzu ma’ kull każ pożittiv li jirriżulta.
//= $special ?>