Coronavirus Lokali Turiżmu

Jidħol l-ewwel cruiseliner mill-bidu tal-pandemija

Il-kumpanija MSC mhu qed tħalli lil ħadd mill-passiġġieri jduru għal rashom jekk mhux f’eskursjoni tal-vapur biss

Kmieni l-Ġimgħa filgħodu daħal l-ewwel cruiseliner, fil-portijiet Maltin minn mindu ngħalqu l-portijiet meta feġġ l-ewwel każ ta’ COVID-19 f’pajjiżna f’Marzu li għadda.

L-MSC Grandiosa telaq mill-port ta’ Genoa nhar il-Ħadd li għadda fuq vjaġġ ta’ 7 ijiem għall-portijiet Civitavecchia, viċin Ruma, Napli u Palermo wara li l-awtoritajiet Maltin ma’ dawk Taljan taw l-approvazzjoni tagħhom biex ikun jista’ jsalpa.

Il-passiġġieri tħallew iduru fi gruppi ta’ 15 permezz ta’ eskurssjonijiet organizzati mill-vapur fuq open-top buses fost l-oħrajn, bix-xufiera tagħhom kif ukoll il-gwidi ġew swabbjati għall-Coronavirus qabel, u r-riżultat ħareġ wara tlett kwarti.

Il-kumpanija mhijiex tħalli lill-passiġġieri jinżlu u jduru waħidhom, tant li fil-waqfa f’Napli, rrifjutat li trikkeb familja Taljana lura fuq il-vapur wara li fi żjara organizzata f’Capri, dawn telqu għal rashom jduru minkejja t-twissijiet mill-gwidi. 

Il-vapur tal-passiggieri daħal b’madwar 2,900 persuna abbord, 1,500 minnhom membri tal-ekwipaġġ u 1,400 passiġġier, li kollha għamlu swab test u ttestjaw fin-negattiv.

Il-membri tal-ekwipaġġ, għamlu 3 swab tests, dartbejn qabel ma għamlu ġimagħtejn fi kwarantina u test tieħor wara.

Dan il-vjaġġ qed jitqies bħala test għall-industrija tal-cruiseliners fil-Mediterran, b’mod partikolari, hekk kif il-kumpaniji li joperaw fis-settur qed janalizzaw jekk il-protokolli u l-mekkaniżmi użati jistgħu jitħaddmu fi vjaġġi oħra fil-futur qarib.