Lokali

Muscat joħroġ mid-Depot; ma jiċħadx li għadu f’kuntatt ma’ Keith Schembri

Il-Kap tal-PN, Adrian Delia, fi tweet staqsa jekk dan huwiex il-bidu tat-tmiem għaliex il-Maltin jixirqilhom ikunu jafu l-verità kollha

Wara aktar minn siegħa u nofs magħuq fid-Depot, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat ta sqarrija fejn ikkonferma li kien għadu kif ġie mistoqsi dwar stqarrija li kien għamel Yorgen Fenech, l-imprenditur implikat fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, fejn għamel referenza għalih.

Muscat, li kien akkumpanjat mill-Avukat tiegħu Pawlu Lia, qal li dak li qal lill-Pulizija kien diġà qalu qabel u kien diġa sar pubblku, u saħaq li l-Pulizija għamluha ċara li hu ma kienx taħt investigazzjoni.

Mistoqsija għaliex issejjaħ id-Depot biss illum meta din l-isqarrija ilha li ħarġet ix-xhur, hu qal li dan għandu jiġ mistoqsi lill-Pulizjia u mhux lilu.

Net News staqsa jekk kienx għadu f’kuntatt mal-eks Chief of Staff tiegħu, b’Muscat ma jiċħadx il kien għadu qed jikkomunika ma’ dak li sa ftit tax-xhur ilu kien l-id il-leminija tiegħu. L-eks Prim Ministru wieġeb sempliċiment li hu jkun f’kuntatt ma’ kulħadd u ma jkun f’kuntatt regolari ma’ ħadd.

Staqsejnih ukoll għalfejn irriżenja minn Prim MInistru tal-pajjiż. Għal dan, Muscat wieġeb li hu rriżenja għax hu refa’ “dak li hu tiegħu u dak li mhux tiegħu”, mingħajr ma spjega fuq xiex kien qed jitkellem. Hu żied li rrizenja wkoll għax hu kien diġa ħabbar li fl-aħħar mill-aħħar hu kien se jirriżenja qabel ma jispiċċalu l-mandat.

Erba’ snin wara li feġġew il-Panama Papers u tlett snin wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, illum il-Pulizija sejjħet lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat fid-Depot għal interrogazzjoni.

Għalkemm ma kien hemm ebda komunikat uffiċjali minn naħa tal-Pulizija, jidher li l-eks Prim Ministru qed jiġi interrogat b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Kollox qed jindika li issa Muscat qed ikun meqjus bħala persuna ta’ interess għall-Pulizija.

Din hi l-ewwel darba li Muscat qed jiġi interrogat minn mindu seħħ l-arrest ta’ Yorgen Fenech f’Portomaso, wara li kien konfermat li kien hu s-sid tal-kumpanija 17 Black.

Joseph Muscat irriżenja uffiċjalment minn Prim Ministru fil-bidu ta’ din is-sena wara kriżi politika bla preċedent, u wara li isem iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri kien implikat minn Yorgen Fenech fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Tant li hu issemma’ wkoll fir-recordings ta’ Melvin Theuma. Kien Schembri stess li allegatament għadda nota lil Fenech meta hu kien miżmum fil-lock-up, tramite t-tabib Vella.

Lejliet li seħħ dan kollu, Keith Schembri kien inqabad bil-cameras ta’ Net News fir-residenza ta’ Joseph Muscat f’Burmarrad.

Intant, b’rabta ma’ dawn l-iżviluppi, fi tweet il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, saħaq li l-Maltin jixirqilhom ikunu jafu l-verità kollha u staqsa jekk dan huwiex il-bidu tat-tmien.

Għalhekk, il-Prim Ministru, Robert Abela, jeħtieġ iwieġeb kemm jaf dwar dak li kien għaddej u effettivament jgħid lill-poplu dwar dak li jaf.

Rapport tal-FIAU kien skopra li 17 Black kellha tirċievi 3 pagamenti marbuta mal-proġett tat-tanker tal-gass f’Dellimara; tnejn minnhom illi jaqbżu l-miljun ewro.

Dan il-proġett tal-gass kien il-wegħda ewlenija tal-Partit Laburista fl-elezzjoni tal-2013, u Fenech kien wieħed mis-sidien tal-konsorzju li rebaħ it-tender għall-power station il-ġdida – proġett li mill-ewwel kien mifni b’ħafna kontroversji.

Riċentament kien allegat ukoll li f’17 Black għaddew miljuni li daħlu mill-proġett tal-windfarms, li l-Enemalta xtrat fil-Montenegro.