“Se nimmisjahom ħafna. L-aktar li se nimmissja hu ċ-ċans li niltaqa’ magħhom. Meta kont tiltaqa’ magħhom kont titlaq minn magħhom tħossok qiegħed f’ġenna tal-art. Kienu ġenerużi bla tarf”.
Ftit mill-affarijiet li qalilna John Lauri li f’intervista esklussiva ma’ Net News tkellem dwar kuġinuh Chris Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski, iż-żewġt irġiel li nqatlu b’tiri ta’ arma tan-nar fil-kenn ta’ darhom f’Locker Street, Tas Sliema nhar it-Tlieta filgħaxija.
John li jiġi l-kuġin ta’ Chris Pandolfino, irrakkontalna li hu u Chris trabbew flimkien, f’Tas Sliema, fejn fis-Sajf kienu ta’ kuljum imorru jgħumu flimkien, u rrakkonta kemm kien jieħu pjaċir b’mod partikolari bil-puppet shows li kienu jtellgħu Chris u ħutu fid-dar tagħhom.
John jgħid li skopra li kien ġara xi ħaġa meta ċemplulu u qalulu biex isegwi l-istreaming fuq facebook, meta ra d-dar ta’ Chris f’Tas Sliema u l-Pulizija barra d-djar. Hu jkompli li għadu sa issa ma jistax jemmen dak li ġara lil kuġinuh u lil Ivor.
Jirrakkonta kif hu kien iltaqa’ ma Ivor f’Londra, qabel biss kien jaf li hu kien is-sieħeb ta’ kuġinuh. Jispjega kif iltaqa’ miegħu waqt it-tnedija ta’ eżibizzjoni tal-arti, u aktar tard matul il-lejla, skopra li l-Pollakk b’nazzjonalità Ingliża kien is-sieħeb ta’ kuġinuh Chris.
Jiddeskrivi lil Ivor bħala persuna maġika. Kien idaħħaq u hu u Chris kienu koppja unika, magħmulin għal xulxin.
Dwar Chris, jgħid li kien raġel li jekk tiltaqa’ miegħu, ma tinsih qatt, raġel kariżmatiku ħafna, raġel ta’ intellett enormi, pesuni ta’ ġenerożita straodinarja. Jekk xi ħadd kellu bżonn xi ħaġa, Chris kien ikun l-ewwel wieħed li jgħin.
“Se nimmisjah ħafna. Għadna ma nistax nemmen li qed ngħid dal-kliem. Qatt ma kont naħseb li se nkun qed ngħid dan il-kliem. Ma toqtolx lin-nies”
Emozjonat immens, John qalilna li ż-żewġ familji qed jissieltu biex jifhmu għalfejn dawn iż-żewġt irġiel inqatlu b’mod daqstant kodard u bla ħniena.
“L-aktar li se nimmisja hu li nqatta’ l-ħin magħhom, għax il-ħin li kont inqatta’ magħhom kien iħallini bil-ħsieb li d-dinja m’għandhiex problemi”.
Tant ħabbew il-ħajja, qal John, li kienu jgħaddu dan l-entużjażmu lil kulħadd, u dan jgħidulek kull min kien jafhom, spjega John.
Se nimmissjar li nitkellem magħhom dwar l-arti u anke l-fatt li dawn kienu nies li kont tkun trid tqatta’ l-ħin magħhom u jekk tiltaqa’ magħhom kumbinazzjoni, kont bla ma trid teħel magħhom għal diversi sigħat.
“Id-dinja llum hija aktar mudlama mingħajrhom”, temm jgħidilna John Lauri.
Chris u Ivor inqatlu brutalment fid-dar li kienu jgħix fihom minn tlett persuni li daħlu fuqhom u sparawlhom, biex imbagħad ħarbu f’karozza bajda misjuqa minn raġel ieħor. L-aggressuri għadhom mhux miżmuma mill-Pulizija.
Sa issa il-mottiv ta’ din l-aggressjoni għadu mhux magħruf, u l-Pulizija mhu qed teskludi xejn.
//= $special ?>