Lokali

L-AFM ittemm investigazzjoni interna f’erbat ijiem; tgħid li “ma ġietx ikkonsmata droga fil-post tax-xogħol”

Erbat ijiem wara li kien żvelat li fil-barracks ta’ Ħal Far tal-Forzi Armati allegatament kien sar burdell sħiħ fejn suldati kienu kkunsmaw droga kokaina, u li f’ħin minnhom spiċċatilhom u ppruvaw joħorġu biex imorru jixtru aktar, l-AFM ħarġet stqarrija li tgħid li kienu temmew l-investigazzjoni interna dwar il-każ u li kien konkluż li ma kienet ikkunsmata l-ebda tip ta’ sustanza illeċita fil-post tax-xogħol.

Dan, kompliet tgħid l-istqarrija, hija kkonfermata permezz tar-riżultati negattivi tat-testijiet tal-urina li ħadu s-suldati involuti.

L-istqarrija tirreferi għall-uffiċjal li kien irrifjuta li jieħu t-test u li tkeċċa fl-interess tas-servizz. Madankollu mhux magħruf jekk dan l-uffiċjali intalabx xorta jagħmel it-test, u jekk iva, x’kien ir-riżultat ta’ dan it-test.

L-AFM naqset ukoll li tgħid meta ttieħdu t-testijiet, u ċioè kemm kienu għaddew ġranet mill-allegat burdell.

Madankollu l-istqarrija tgħid li l-investigazzjoni sabet xi “nuqqasijiet żgħar li setgħu seħħew dakinhar” u li se tkun qed tittieħed azzjoni dixxipplinarja skont il-każ.

L-eks uffiċjal tal-Forzi Armati Godwin Schembri, li kien tkeċċa għax kritika grada, kien kixef dak li allegatament kien seħħ f’Lyster Barracks, biex issa l-AFM qed tiċħad dan kollu wara investigazzjoni li mexxiet hi stess.