Lokali Qorti

Lawrence Cutajar jixhed fl-inkjesta pubblika

L-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar mistenni jerġa’ jixhed fit-2 ta’ Settembru.

12.09 L-eks Kummisarju tal-Pulizija saħaq li qatt ma kellu tagħrif dwar il-parir li Joseph Muscat inghata mill-MSS sabiex jistieden lil Yorgen Fenech fil-festin tal-Girgenti.

12.07 Lawrence Cutajar jisħaq li ma jaf bl-ebda laqgħat bejn Ian Abdilla u Keith Schembri f’Kastilja dwar il-Panama Papers.

12.05 L-istess avukat staqsa dwar il-premju ta’ €1 miljun li l-Gvern kien wieħed lil min jista’ jgħin fl-investigazzjoni – b’Cutajar jisħaq li deher darba fuq il-midja soċjali tal-Pulizija iżda qatt ma ngħataw struzzjoni sabiex jerġgħu jirreklamawha.

12.03 L-Avukat Azzopardi staqsa x’żamm lill-Kap tat-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi milli jipproċedi b’Cutajar jisħaq li l-prijorità dak il-ħin kienet l-investigazzjoni dwar id-delitt.

12.01 Lawrence Cutajar ikkonferma li meta ġie arrestat, Yorgen Fenech saħaq li għandu informazzjoni dwar korruzzjoni b’rabta ma’ Keith Schembri u semma lil Nexia BT, Macbridge, eċċ..

11.59 Lawrence Cutajar insista li l-metodu kif arrestaw lil Melvin Theuma, b’rabta ma’ każ ta’ ħasil ta’ flus, irrivela li kien wieħed suċċess. L-avukat Azzopardi staqsa lil Cutajar jekk qatt irċeviex telefonati b’rabta mal-interrogazzjonijiet ta’ Theuma u Fenech – huwa wieġeb fin-negattiv.

11.57 Mistoqsi minn l-Avukat Jason Azzopardi meta sar jaf bil-ħbiberija bejn Yorgen Fenech u Silvio Valletta, huwa saħaq li dan sar jafu wara li spiċċa mill-kariga ta’ Kummissarju.

11.54am Mistoqsi jekk il-Pulizija baghtux għal Yorgen Fenech wara li ġie żvelat minn ġurnal lokali li huwa kien sid 17 Black, Cutajar saħaq li ma kienx ser jagħmel dan abbażi ta’ storja fuq gazzetta.

11.50am L-Imħallef Said Pullicino saħaq li huwa inkwetanti kif ma ttieħdu l-ebda passi minkejja l-evidenza ta’ ċertu trasferimenti ta’ flus f’numru ta’ kontijiet – ankè qabel l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Għal din id-dikjarazzjoni Cutajar saħaq li ħadd ma’ għadda minn xiex għadda hu, “u l-impressjoni hemm barra qiegħda li kienu qed isiru affarijiet mingħajr ma kont naf bihom jien”

11.48am Cutajar saħaq li Ian Abdilla kien irċieva rapport dwar 17 Black lura f’Marzu, 2018. Huwa saħaq li qalulu li l-investigazzjoni dwar il-kumpanija bdiet minnufih iżda insista li laqgħa li kellha ssir bejn delegazzjoni tal-Pulizija ma nies minn Dubaj baqgħet qatt ma saret fi żmienu.

Cutajar saħaq li saħansitra talbu għall-għajnuna tal-Europol.

11.45am Mistoqsi meta sar jaf li Yorgen Fenech kien involut fl-assassinju, huwa saħaq meta sar jaf bir-recordings ta’ Melvin Theuma.

11.42am “Keith Schembri qatt ma kien meqjus bħala wieħed mill-isuspettati tul l-investigazzjoni. Qatt ma ssemma mis-Servizzi Sigrieti Maltin”.

Minkejja li kien issemma fil-Panama Papers Lawrence Cutajar saħaq, “ma nistgħux ngħidu li dan is-suġġet u l-assassinju tal-ġurnalista huma marbuta b’xi mod”

Mistoqsi jekk saritx tfittxija fl-uffiċju ta’ Schembri, Cutajar wieġeb “iva, aktar tard”.

Mistoqsi jekk bagħat, għal Keith Schembri jew Konrad Mizzi huwa saħaq li le, ma jaħsibx.

Mistoqsi jekk bagħatx għal Brian Tonna jew Karl Cini, huwa kkonferma li bagħat għal Cini.

11.37am L-eks Kummissarju tal-Pulizija saħaq li fil-maġġorparti tal-ħin kien ikellem lil Silvio Valletta dwar l-aħwa Degiorgio. “Jumejn qabel ma’ seħħu l-arresti, Valletta qalli li kienu se jarrestawhom” Cutajar saħaq li qallu li importanti li l-Pulizija jkollha l-evidenza qabel jitressqu l-Qorti.

Cutajar saħaq li fil-Briefings ta’ Kastilja dwar il-każ kienu jmorru Keith Arnaud u Silvio Valletta. Huwa insista li huwa mar biss għal-laqgħat Kastilja dwar il-maħfra presidenzjali ta’ Melvin Theuma.

Huwa saħaq li għal dawn il-laqgħat kien hemm jattendu l-eks Prim MInistru Joseph Muscat, l-eks Chief of Staff Keith Schembri, l-Avukat Ġenerali Peter Grech u darba minnhom attenda wkoll l-eks Ministru għall-Ġustizzja – Owen Bonnici.

11.31am Lawrence Cutajar saħaq li jaqbel mal-kumment ta’ Comodini Cachia li l-Pulizija għandhom jisguraw li kulħadd ikun protett, iżda saħaq li r-riżorsi huma limitati.

11.24am Cutajar saħaq li mhux xogħol il-Pulizija li jagħmlu risk assessments dwar jekk xi persuni ikunux fil-periklu, imma xogħol is-Servizzi Sigrieti ta’ Malta.

11.22am L-Avukat Comodini Cachia staqsiet jekk il-Pulizija ma ħasbitx li Daphne kienet fil-periklu minħabba kitbietha – Cutajar jistaqsi, “X’kien qed iżommha milli tikkuntatjana?”

Prontament Comodini Cachia staqsiet, “X’kien qiegħed iżomm lilkom?”

11.18am Mistoqsi jekk kienx hemm il-ħtieġa li tiżdidilha l-protezzjoni wara l-pubblikazzjoni tal-Panama Papers, Cutajar saħaq li ma setgħax iżid il-protezzjoni mingħajr il-kunsens tagħha. “Jekk ħassitha mhedda, għalfejn ma avviċinatx lill-Pulizija?”.

Huwa spjega li l-għada tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, ir-raġel tagħha Peter ikkuntattjah u stqarr li kien qed jibża’ għas-sigurtà ta’ familtu.

“Immedjatament ħtart żewġ uffiċjali sabiex iservu ta’ protezzjoni għalihom”

11.16am Id-domandi daru fuq is-suġġett ta’ protezzjoni tal-Pulizija mal-ġurnalista, Daphne Caruana Galizia.

Cutajar saħaq li skont dokumenti tal-Pulizija, hija ngħatat protezzjoni għal jumejn f’Marzu, 2013 waqt l-elezzjoni ġenerali u f’Ġunju, 2017 ukoll waqt l-elezzjoni Ġenerali – kif ukoll għal ftit inqas minn xahar bejn Settembru u Ottubru tal-2010.

Il-Protezzjoni fixed point tneħħiet fit-3 ta’ Ottubru 2010 – huwa saħaq li ma kienet ingħatat l-ebda spjegazzjoni għal fejn saret il-bidla minn fixed point għal patrol frekwenti.

11.12am Mistoqsi dwar pulizija li jkellmu lill-persuni li għandhom rabta ma’ kriminali, Lawrence Cutajar sostna li l-każi ma jissolvux minn wara bank ta’ uffiċċju.

L-Imħallfin għamlu referenza għall-allegazzjoni li xi ħadd għarraf lill-assassini ta’ Daphne Caruana Galizia, u saħqu li dakinhar xi ħadd seta’ spiċċa maqtul.

Cutajar insista li jekk xi ħadd għamel hekk, għamel ħażin u stqarr li tal-inqas dak li kellu jinstab instab u ħadd ma’ weġġa’.

11.07am Mistoqsi għalfejn il-pubbliku nżamm għal kollox ‘il bogħod minn dan il-każ, mingħajr ebda crime conferences jew aġġornamenti, Cutajar saħaq li sar hekk għax beża’ li tingħad xi kelma żejda li tikkomprometti l-investigazzjoni.

11.05 Lawrence Cutajar saħaq li huwa infurmat li s’issa l-Pulizija qatt ma rċeviet rapport sħiħ mingħand l-FIAU dwar il-Panama Papers.

Mistoqsi mill-Avukat Comodini Cachia jekk il-Pulizija għamlux l-investigazzjoni tagħhom dwar dan is-suġġett huwa sostna li saru xi investigazzjonijiet fuq persuni.

Mistoqsi jekk kienx hemm xi ħadd minnhom li tressaq il-Qorti, huwa qal li ma jaħsibx.

10.58 Cutajar stqarr li l-bank lokali BOV ma kkoperax mal-Pulizija meta kien mitlub jiprovdi xi informazzjoni.

Mistoqsi jekk qarax r-rapporti tal-FIAU huwa saħaq, “Mhux kollha, imma qrajthom fuq fuq”

10.56am Lawrence Cutajar sostna li ma kienx f’kuntatt kontinwu mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, u saħaq li kienu jitkellmu fil-maġġorparti tal-każi fuq l-immigrazzjoni rregolari. Huwa saħaq li qatt ma kelmu dwar il-Panama Papers u ma jafx jekk ta’ taħtu qatt kelmuh dwar dan is-suġġett.

10.52am L-Imħallef Lofaro saħqet li d-dinja kienet mixgħula bil-Panama Papers imma int ma kontx qed titkellem dwarhom?

L-Imħallef Mallia insista ma’ Cutajar li filwaqt li kienet qed ifittex informazzjoni mill-irkejjen kollha tad-dinja, ma tax kas l-informazzjoni li kienet taħt imnieħru.

Għal din id-dikjarazzjoni, Lawrence Cutajar sostna li kien jafda lil Silvio Valletta. B’mod speċjali wara li tressqu l-Qorti tlett persuni b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Hawnhekk l-Imħallef Lofaro insistiet li l-każ għadu mhux solvut.

Lawrence Cutajar insista li dejjem qalulu li d-domandi mibgħuta Dubaj qatt ma kienu mwieġba, biex issa qed jisma’ mod ieħor. Huwa saħaq li l-irwol bħala Kummissarju tal-Pulizija dejjem kien wieħed ta’ sostenn.

10.47am Mistoqsi jekk qatt kellem lil Ministru għall-Intern dwar il-każ, huwa saħaq, “ma naħsibx”, u insista li xi kultant kien ikellem il-Ministru imma spjega li l-attitudni tiegħu hija waħda li ġġiegħlu jżomm lura.

Mistoqsi jekk qatt ħass il-ħtieġa li jiftaħ għajnejn il-Prim Ministru, saħaq, “Min jien?!”

Mistoqsi mill-Imħallef Mallia jekk il-Pulizija talbux għal darb’oħra l-parir tal-Avukat Ġenerali wara t-tieni rapport tal-FIAU Cutajar saħaq li ma jafx, iżda insista li dejem importanti li tiġbor l-evidenza qabel tinterroga lill-persuni involuti.

10.45am Cutajar saħaq li “faċli titkellem hawn, imma nassigurakom li l-azzjoni ttieħdet u l-inkjesta għadha għaddejja”

Għal dan il-kumment l-Imħallef Lofaro saħqet li filwaqt li barra minn xtutna kien hawn għagħa kbira dwar dak li kien qed jiġri, il-Pulizija kellha tkompli tinvestiga u mhux tħalli l-inkjesta maġisterjali biss.

Hawnhekk Cutajar sostna li jidhirlu li fl-2018 il-Pulizija kelmet lil Karl Cini, bl-Imħallef tisħaq li d-data li qal Cutajr hija sentejn wara l-pubblikazzjoni tal-Panama Papers.

10.42am Comodini Cachia staqsiet għalfejn il-pulizija ma ġabrux aktar informazzjoni u data mill-uffiċini ta’ Nexia BT – minkejja r-rapporti tal-FIAU u l-informazzjoni minn sorsi internazzjonali.

Cutajar insista li l-Avukat Ġenerali seta’ jiprovdi biss pariri fuq evidenza tanġibli li l-pulizija kellha f’idejha.

Mistoqsi mill-Imħallef Mallia jekk il-Pulizija qatt ikkunsidrat li tikkonfiska s-servers ta’ Nexia BT, Cutajar saħaq li jidhirlu li dawn inġabru.

10.38am Mistoqsi jekk kienx Cutajar innifsu li nnomina lil Valletta fuq il-bord tal-FIAU huwa ċaħad u spjega li l-ħatriet isiru kull 3 snin. Dan ifisser, kompla Cutajar, li meta laħaq Kummissarju hu, il-bord kien diġà fformat.

10.36am Mistoqsi mill-Avukat Therese Comodini Cachia, Cutajar saħaq li ma kellu xejn x’jaqsam mal-ECU sakemm ma laħaq aġent Kummissarju tal-Pulizija.

Mistoqsi min kien imexxi l-Iskwadra kontra l-Frodi, huwa saħaq li kienu s-Suprintendent Ian Abdilla u l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta, sabiex sussegwentament wieħed laħaq Assistent Kummissarju u Valletta sar Deputat Kummissarju.

10.30am Mistoqsi x’għamlu l-pulizija dwar it-3 rapporti tal-FIAU, huwa saħaq li “mhux ċert” u insista li ma jridx li diskorsu jiġi miżinterpretat ‘il quddiem li illum xehed fil-falz.

10.27am Lawrence Cutajar stqarr li l-ewwel darba li sema’ bil-Panama Papers kien mill-media.

Mistoqsi jekk kienx isegwi l-blog ta’ Daphne Caruana Galizia, huwa insista li membri tas-CMRU jipreparaw numru ta’ print outs mill-media in ġenerali, “jiġiefri trid jew ma tridx trid taqrahom bilfors.”

10.23am Cutajar kompla jispjega li f’dan il-perjodu l-Pulizija bdew ikellmu lil banek involuti iżda spjega li kellhom bżonn ta’ aktar informazzjoni, inkluż minn Dubaj.

Lawrence Cutajar sostna li l-informazzjoni li ngħatatlu kienet li l-Pulizija lokali ma bdietx issib koperazzjoni minn naħa ta’ Dubaj.

10.18am F’battibekk mal-Imħallef Said Pullicino, huwa kien mistoqsi jekk jaħsibx li kellu jimxi mod ieħor u mill-ewwel meta wieħed jikkunsidra li l-każ kien dwar chief of staff tal-Prim Ministru u Ministru fil-Kabinett. Hija saħqet li l-perċezzjoni hija li l-pulizija m’għamlu xejn.

Bir-risposta ta’ Cutajar tkun li l-perċezzjoni hija ħażina.

10.14am Cutajar sostna li l-Pulizija kellhom jirċievu 3 rapporti mill-FIAU.

Mistoqsi mill-Imħallef Abigail Lofaro x’għamel sadanittant, l-eks Kummissarju saħaq li wara r-rapport preliminarju talbu għall-parir tal-AĠ, u għaldaqstant stennejna sakemm joħorġu aktar dettalji mill-FIAU. Huwa saħaq li dan kien lura fl-2016.

10.09am Lawrence Cutajar: “Jiena dejjem għidtilhom biex isegwu l-pariri tal-Avukat Ġenerali. Minkejja li ma nieħdux kull każ quddiem l-AĠ, każijiet bħal dawn ċertament għandhom bżonn il-parir tiegħu.”

Cutajar qara li l-parir tal-Avukat Ġenerali Peter Grech kien jgħid li hemm bżonn li l-investigazzjoni ssir b’kawtela kbira l-għaliex dan huwa indħil kbir, din il-kwistjoni hija suspettuża ħafna”.

Mistoqsi mill-Imħallef Said Pullicina jekk dan il-parir wasalx dirett għandu, Cutajar saħaq li dan il-messaġġ wasal għandu fl-10 ta’ Mejju iżda ingħata fil-21 ta’ April. Huwa saħaq li ma tkellimx mal-AĠ innifsu, iżda huwa kien jiddiskuti dwar il-każ ma’ Ian Abdilla u Silvio Valletta.

10.06am “Ir-rapport tal-FIAU dwar l-eks Ministru Laburista Konrad Mizzi qatt ma tlesta'”. Lawrence Cutajar saħaq li l-FIAU ħejja rapport preliminarju dwar Mizzi u dwaru kien hemm laqgħa bejn Silvio Valletta u Ian Abdilla, laqgħa li għaliha Cutajar saħaq li ma kienx preżenti.

10.02am Lawrence Cutajar insista li taħtu l-ħidma kontra r-reati finanzjarji ħadu spinta ‘l quddiem. Huwa sostna li kien jafda fl-uffiċjali tiegħu u insista li r-rwol tiegħu kien sempliċi wieħed ta’ sostenn.

Huwa ċaħad li abbanduna lill-FIAU u sostna li ċertu dokumenti kienu jmorru għand Ian Abdilla (Eks Chief tal-Financial Crimes Unit) jew Silvio Valletta (Eks Deputat Kummissarju).

9.57am L-eks Kummissarju tal-Pulizija kien mistoqsi dwar it-twemmin politiku tiegħu u saħaq li minkejja li jivvota qatt ma attenda mass meetings jew segwa programmi politiċi.

Fil-pront huwa kien mistoqsi dwar post fuq Facebook li kien ippublika lura fl-2014, b’diskors ta’ tifħir għall-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Joseph Muscat.

Mistoqsi jekk xi ħadd ġibidlux l-attenzjoni dwar dak il-kumment meqjus bħala mhux f’postu, Cutajar wieġeb fin-negattiv u insista li kien kumment “ta’ dak il-ħin”.

9.53am Lawrence Cutajar sostna li meta applika sabiex ikun Assistent Kummissarju tal-Pulizija huwa rreġistra fir-raba’ post minn sitt applikanti, bil-proċess tal-interview ġie organizzat mill-Pulizija u l-Ministeru għall-Affarijiet tal-Intern.

9.50am Cutajar saħaq li ilu fi ħdan il-korp mill-1979 u laħaq spettur fiż-Żejtun lura fl-1984. Dan filwaqt li lura fl-2014 ġie maħtur bħala Assistent Kummissarju u sentejn wara ħa post l-eks Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar.

9.45am Lawrence Cutajar saħaq li għadu ma xehedx quddiem il-maġistrat li qed jieħu ħsieb l-inkjesta dwar l-allegazzjonijiet b’rabta mal-laqgħa li kien hemm bejnu u bejn Edwin Brincat magħruf bħala il-Ġojja.

Aktar kmieni

Il-Ġimgħa filgħodu, l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar qed jixhed waqt l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Cutajar irreżenja minn din il-pożizzjoni lura f’Jannar wara tlett snin u nofs ta’ ħidma mifnija b’kontroversja sħiħa. Wara din ir-reżenja, Lawrence Cutajar kienet tqiegħed bħala konsulet fi ħdan il-Ministeru għall-Intern madanakollu, f’Ġunju kellu l-kuntratt itterminat wara li l-Qorti talbet investigazzjoni dwar allegazzjonijiet li Cutajar ta’ xi ħjiel lil persuna qrib Melvin Theuma.

Illum mistennija jixhdu kemm Lawrence Cutajar kif ukoll l-Ispettur Antonovitch Muscat.