Lokali Qorti

Lejliet l-omiċidju Salvu Dalli mar l-Għassa u għamel rapport li ibnu kien se joqtlu

Lejliet li seħħ l-omiċidju Salvu Dalli mar l-Għassa tal-Pulizija u għamel rapport li ibnu kien qed jheddu li se joqtlu. Il-Kuntistabbli Rodney Zammit rrakkonta li fis-6 ta’ Awwissu li għadda, Salvu Dalli daħal l-għassa u qal li ibnu ċempillu u qallu li se joqtlu.

Huwa xehed li l-Appoġġ għamlu risk assessment, filwaqt li hu bagħat għal Antoine Dalli fl-Għassa taż-Żejtun iżda dan ma marx. Huwa qal li l-akkużat qal ibnu beda jheddu għax beda jwaħħal fih li tal-Appoġġ kienu ħadulu t-tfal. Ħareġ ukoll li l-missier u ibnu kienu jitlewwmu wkoll ħafna fuq il-flus.

Dan ħareġ meta kompliet il-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, fejn Salvu Dalli ta’ 68 sena magħruf bħala “Danger Man” jinsab mixli bil-qtil ta’ ibnu Antoine, nhar il-Ġimgħa, 7 ta’ Awwissu fir-residenza tiegħu f’Ħal Għaxaq.

Antoine Dalli miet kaġun ta’ tir ta’ senter f’nofs l-istonku tiegħu. Missieru Salvu Dalli, qed iwieġeb mhux ħati għall-omiċidju ta’ ibnu, bl-arma li aktarx intużat fid-delitt instabet fuq sodda fl-istess dar.

Bdiet tixhed il-Kuntistabbli Rebecca Grech, stazzjonata ż-Żejtun. Hi qalet li kulma kienet involuta dakinhar kien biex poġġiet il-Police Tape. Warajha xehed is-Surġent Silvan Pulis, li qal li kienet ċemplitlu mara li qalet li attakkaha Salvu Dalli. Qal dan b’referenza għall-każ preċedenti li kien involut fih Salvu.

L-Avukat tal-akkużat, Lennox Vella ilmenta li dan kollu mhux relevanti għax dan każ li jmur lura xhur ilu. Minn naħa tiegħu, l-Ispettur Keith Arnaud qal li huwa mportanti għax l-akkużat għandu akkuża li kiser sentenza sospiża u għax din turi l-karattru tal-akkużat. Il-vittma kienet ċerta Rodianne Caruana.

Wara xehed il-Kuntistabbli Wayne Borg. Tenna li fil-11 ta’ Jannar kien ġabar senter mid-dar ta’ Antoine Dalli u li dan sar waqt spezzjoni fl-inħawi fuq serq u droga fin-naħa tal-Ħlas, f’Ħal Qormi.

Kompla jgħid li kien hemm aktar nies fiż-żewg kmamar, filwaqt li s-senter kien ikkargat. Qal li dan kien irreġistrat fuq Antoine li kien qal li jħallieh hemm għall-kaċċa.

Xehed ukoll il-Kuntistabbli Dylan Gerada fejn qal li Antoine Dalli kien imsejjaħ fl-1 ta’ Awwissu biex jmur l-Għassa ta’ Ħal Għaxaq. Antoine Dalli kien qallu li missieru kien keċċieh mid-dar fuq diżgwid dwar flus. Qallu li missieru riedhom jitilqu mid-dar u saħaq li hu u t-tfajla tiegħu telqu minn hemm u marru joqogħdu f’post ieħor Ħal Għaxaq.

Ix-xhud kompla jgħid li ħu Antoine, Silvan Dalli wkoll għamel rapport fejn qal li Antoine ċempillu u qallu li se jeħdulu t-tfal bil-Qorti. Qallu li kien se jaħraqlu d-dar u jpattihielu fuq kwistjoni ta’ self ta’ flus

Gerada qal ukoll li Silvan kien silef xi flus lil ħuh u li ċempel lil Antoine dwar dan u ma weġibx. Qal ukoll li darba oħra Pulizija kollegi tiegħu kienu nnotaw lil Antoine miexi ħafi b’senter fil-pocket u tliet skrataċ. Hu kien mar u ħadulu, filwaqt li arrestah. Jgħid li Antoine kien qallu li ġabu mill-għalqa għax beża’ li jinsteraqlu.

Xhud ieħoir kien il-Kuntistabbli Aaron Caruana li qal li fis-7 ta’ Awwissu kien daħal rapport li xi persuna maskili kien għaddej bir-rota u niżżel xi tyres tal-karozzi.

Xehed ukoll li wara ġie infurmat li kien hemm sparatura f’Ħal Għaxaq, fejn Salvu qal lill-Pulizija li ibnu kien fil-kamra tal-banju mejjet. Tenna li Salvu qalilhom li kien sparalu u li l-arma kienet fuq is-sodda. Ftit wara Salvu ttieħed lejn id-Depot.

Kompla jgħid li f’Lulju li għadda kien diġa seħħ argument bejn Salvu u Antoine. Salvu ma ridux id-dar u ibnu tah daqqa f’wiċċu. Min-naħa l-oħra qal li Antoine qallu li kien mar id-dar ta’ missieru u missieru tah daqqa ta’ ħarta u hu tah lura daqqa ta’ ponn.

Qal li ħadd minnhom ma ried jipproċedi, iżda fil-Qorti tressqu akkużi kontrihom it-tnejn talli ħebbew għal xulxin. Tenna li Antoine ried jibqa’ jgħix fid-dar ta’ missieru għax is-sieħba u ż-żewġt itfal tagħhom kienu jgħixu hemm.

Komplew jixhdu aktar Pulizija fejn ta d-depożizzjoni tiegħu s-Surġent Maverick Camilleri li kien fuq il-post ftit wara li seħħ il-qtil. Qal li mar id-dar ma’ żewġ Pulizija, fil-post fejn Salvu qal li kien spara lil ibnu. Qal li l-vittma kien bilqiegħda fix-shower u b’ferita fl-istonku.

Qal wkoll li kien hemm mara li qalet li rat persuna bir-rota li daħlet fid-dar u mbagħad semgħet l-għajjat u sparatura. Spjega wkoll li r-raġel deher eċċitat.

Intant l-avukat ta’ Salvu Dalli talab għall-ħesien mill-arrest għall-klijent tiegħu. Dwar dan ittrattaw iż-żewġ partijiet. L-Avukat Ġenerali oġġezzjona għax qal li għad baqa’ xhieda pajżana li jridu jixhdu

L-Avukat tal-akkużat qal ukoll li l-klijent tiegħu lest joqgħod fid-dar li għandu ż-Żurrieq. L-Ispettur Keith Arnaud irribatta billi qal li Salvu Dalli mhuwiex affidabbli.

Semma kif ftit tax-xhur ilu nstab ħati li ħebb għal mara b’sikkina u ma tgħallem xejn għax minn sikkina issa uża senter. Fakkar li saret anke talba biex jiġi assessjat minn psikjatra u din trid tiġi meħuda f’konsiderazzjoni. Id-deċiżjoni dwar il-bail se tittieħed fis-seduta li jmiss fil-25 ta’ Awwissu fis-1.00 pm. L-Avukati Kathleen Calleja Grima u Francesca Zarb qed jidhru għall-familja tal-vittma.